Internazzjonali Kurżitajiet Mużika

Il-Pink Floyd jagħtu nifs ġdid lill-albums tal-vinyl

Il-bejgħ annwali tad-diski – albums – tal-vinyl fir-Renju Unit qabeż il-miljun kopja għall-ewwel darba fi 18 il-sena. Dan grazzi, fil-parti kbira, għar-ritorn fix-xena tal-grupp Pink Floyd li jispeċjalizza fil-mużika Prog-Rock.

Is-snin riċenti wkoll ġabu magħhom interess ġdid fl-albums tal-vinyl tradizzjonali u l-bejgħ tagħhom (dejjem fir-Renju Unit) issa laħaq – u qabeż – il-miljun għall-ewwel darba mill-1996.

L-akbar xprun wara dan ir-‘revival’ ġej mill-album ‘The Endless River’ li hu l-ewwel wieħed ġdid ta’ Pink Floyd wara 20 sena. Intant, l-album jinsab fl-ewwel post fiċ-charts, skont l-aħħar statistika mill-entita tal-mużika, BPI.

Fl-aħħar xhur, il-gruppi tar-Rock li jinkludu l-Arctic Monkeys u r-Royal Blood, flimkien ma’ kantanti bħal Jack White ukoll għenu jżidu l-interess ‘fil-vinyl’ – bil-bejgħ tal-albums għall-2014 fir-Renju UNit jista’ jilħaq il-1.2 miljuni ladarba ċ-ċifri għall-Milied ikunu kkalkulati.