Lokali Parlament

“Il-politika tal-Gvern fl-ambjent ma twassal imkien” – Marlene Farrugia

Marlene Farrugia tikkritika lill-Gvern li qed jifred l-ambjent mill-ippjanar bil-Ministru tal-Ambjent jgħid li l-firda se ssir

Id-Deputat Laburista Marlene Farrugia qalet li l-Baġit li ppreżenta l-Gvern ma jurix li l-ambjent hu ta’ prijorità u qabblet dak ippjanat fl-ambjent bħala pont sabiħ li ma jwassal imkien u ma jagħtix direzzjoni.

Meta tkellmet fil-Parlament dwar il-Baġit li l-Gvern qed jipproponi għall-ambjent għas-sena d-dieħla, Marlene Farrugia staqsiet x’importanza qed tingħata lill-ambjent meta l-Gvern qed jagħti importanza lil politika li qed tifred l-ambjent mill-ippjanar. Direzzjoni politika li qed tagħti lok għal abbuż għax ħadd ma jaf fejn hu.

Fissret li għalkemm fuq il-karta tista’ tifred u twettaq dan, id-Deputata Laburista saħqet li fil-verità ma jistax ikun hemm pjan meta mhix qed tingħata prijorità lill-ambjent.

L-ambjent fl-ippjanar, qalet Marlene Farrugia, irid jirrifletti fuq kull permess għal żvilupp, anke jek ikun żġħir.

“Minn dak li qed tara, in-nies m’għandhomx stampa ċara dwar fejn irridu mmorru fl-ambjent”, qalet id-Deputat Laburista filwaqt li semmiet x’se jsir miz-zoni tal-ODZ.

Saħqet li l-poplu jrid ikun jaf x’se jsir mill-ambjent tagħna u mill-arja tagħna, meta l-uniku idea tal-Gvern hi li l-power station tinqaleb għall-gass u l-arja titnaddaf minn dan l-aspett. Ikkritikat lill-Gvern li quddiem din l-istampa, il-gvern lanqas deadline tad-deadline għad m’għandu dwar meta se titlesta l-power station bil-gass.
Staqsiet ukoll x’tip ta’ pajjiż irridu, x’tip ta’ turiżmu rridu, u x’ħajja rridu u jekk hux lesti nbiegħu l-kosta u noħolqu energy hub biex tkompli tintilef l-art li fadlilna.

Irrimarkat li jkollna spazju ambjentali ma’ żvilupp saret xi ħaġa kbira u saħqet li kull żvilupp għandu jkollu l-ispazju ambjentali tiegħu.

Appellat lill Gvern biex jissalvagwarda zoni li jinżammu fiha l-ħdura ambjentali. Wissiet li jekk nibqgħu nsemmu l-ambjent meta jaqblilna, il-ftit kampanja li fadal għad tispiċċa memorja.

B’rabta mat-taxxa li l-Gvern introduċa fil-Baġit fuq l-ikel fil-fish farms, Marlene Farruga qalet li l-fish farms mhux nintaxxawhom irridu iżda nissalavagwardaw din l-industrija billi jitmexxew ‘il barra mill-kosta u mix-xtut tagħna.

Irrimakrat ukol li mill-Oppożizjoni l-Partit Laburista kien favur proġetti ta’ sistemi u servizzi taħt l-art, u qalet meta nafu kemm sussidji se nkunu qed nagħtu għat-trasport pubbliku, ma rajnix proposti bħal dawn li jistgħu jkunu ta’ ġid ambjentali akbar.

Marlene Farrugia wissiet li l-akbar problema fis-settur tat-trasport pubbliku hi li s-servizz ma tistax torbot fuqu. Fissret li b’sistema taħt l-art li ma tħammiġx, naslu x-xogħol fil-ħin, is-servizz ikun effettiv u l-poplu jgawdi.

Tkellmet ukoll dwar l-importanza ta’ proġetti ta’ afforestazzjoni u kkritkat li l-proġett imħabbar fil-baġit l-Gvern f’Pace Grasso mhux se jagħti pulmun liz-zona.

Fir-reazzjoni li ta għall-appelli tad-Deputat Laburista Marlene Farrugia, il-Ministru Leo Brincat responsabbli mill-Ambjent, ftit tal-minuti wara meta kien qed jagħlaq id-dibattitu fil-Parlament dwat il-baġit għall-ambjent għas-sena d-dieħla, qal li l-firda bejn l-ippjanar u l-ambjent se ssir.

Il-Ministru Leo Brincat qal li se jkun qed jara li din il-firda sseħħ biex skont il-Ministru “jaqbad il-barri minn qrunu”.