Lokali Qorti

Il-Qorti tordna biex Brunno jiġi estradit lejn pajjiżu

Il-Maġistrat Aaron Buġeja laqa’ t-talba sabiex Sebastiano Brunno jiġi estradit lejn l-Italja ħalli jiskonta sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li kien instab ħati ta’ qtil li seħħ fl-1992. F’sentenza twila madwar 50 paġna, il-Qorti ċaħdet l-argument tad-difiża li kien hemm żbalji fil-proċedura.

Brunno, Sqalli ta’ 56 sena, kien inqabad f’pajjiżna ġewwa Buġibba fit-2 ta’ Ottubru li għadda wara li kien ilu mfittex mill-pulizija Taljana mill-2009. Minbarra l-kawża għall-estradizzjoni, f’Malta huwa ffaċċja wkoll akkużi ta’ falsifikazzjoni ta’ karta tal-identità li tagħhom instab ħati u ġie kkundannat għal tliet xhur ħabs.

Il-Qorti kienet semgħet l-aħħar sottmissjoni mid-difiża u l-Avukat Ġenerali l-Maġistrat Aaron Bugeja tenna li kien jagħti d-deċiżjoni tiegħu dwar it-talba tal-Italja għall-estradizzjoni ta’ Sebastiano Brunno, allegatament Kap tal-Mafia, l-Ġimgħa , 28 ta’ Novembru.

Id-Deputat Avukat Ġenerali Donatella Frendo Dimech qalet li kulma jeħtieġ biex Brunno jiġi estradit huwa li jiġi ippruvat li nstab ħati u li qed jiġi mfittex minn pajjiżu, l-Avukat Montalto minn naħa tiegħu sostna li l-klijent tiegħu m’għandux jiġi estradit għax id-dokumentazzjoni li ntbagħtet mill-Italja ma saritx b’mox korretta.

Brunno, li jgħix Sqallija, kien ilu mfittex mill-awtoritajiet ta’ pajjiżu mill-2009 wara li ħarab u kien f’Ottubru li għadda li ġie arrestat f’San Pawl il-Baħar fit-2 ta’ Ottubru li għadda.

Fuqu l-Pulizija sabulu karta tal-identità bl-isem Natale La Modica u minbarra l-proċeduri ta’ estradizzjoni diġà tressaq quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke dwar il-pussess ta’ dokument falz fejn instab ħati u ġie ikkundannat tliet xhur ħabs.