Lokali Parlament

Is-sitwazzjoni fil-qrati hi agħar

Gvern li qed jabbuża mis-sistema ġudizzjarja

Minkejja li l-Oppożizzjoni kkoperat mal-Gvern f’emendi għal sistema ta’ qrati aħjar, il-qasam tal-ġustizzja, b’aġir ħafna drabi ta’ Gvern li abbuża u żeblaħ il-qasam tal-ġustizzja, illum hu agħar u jissarraf f’diżappunt għal min emmen fil-proposti u fir-roadmap li wiegħed il-Partit Laburista.

Il-Viċi Kap għall-Ħidma fil-Partit u Kelliem għall-Ġustizzja, Beppe Fenech Adami, qal fil-Parlament li l-Oppożizzjoni tat sehemha u pparteċipat biex proposti ta’ liġijiet jiġu aħjar, iżda staqsa jekk effettivament dawn il-miżuri hux qed iħallu l-effett mixtieq.

Meta tkellem dwar is-settur tal-ġustizzja fid-diskussjoni dwar il-Baġit, Beppe Fenech Adami qal li mill-kliem sabiħ tal-Ministru, hemm realtà differenti. Daħlu diversi liġijiet iżda s-sitwazzjoni fil-qrati hi agħar. Għad hemm sistema fejn il-kawżi għadhom qed idumu u l-ġustizzja ddum ma ssir.

Beppe Fenech Adami fisser li għad hemm nies li ilhom is-snin jistennew biex jgħaddu ġuri u min kien jitkaża waqa’ fil-każa għax is-sitwazzjoni għadha li kienet, b’ġurijiet serji għadhom pendenti.

Irrifera għall-kawżi tad-distrett – il-kawżi sommarji li jinstemgħu u jinqatgħu fl-istess seduta. Beppe Fenech Adami irrifera għal numru ta’ seduti, fosthom dik tad-distrett ta’ Ħal Qormi fejn f’seduta, ma kinux notifikati 28% tal-każijiet, filwaqt li 81% tal-kawżi sommarji kienu differiti.

Seduta tad-Distrett ta’ Birkirkara f’Ottubru, kien hemm 71% tal-kawżi differenti; u f’seduta oħra 66% differeti. F’seduta fid-distrett tal-Qawra 44% ma kinux notifikati u ma jafux li kelhom il-kawżi. F’seduta taż-Żejtun, 60% tal-kawżi kienu differiti; u f’dik tal-Belt, 72% tal-kawżi differiti.

Semma wkoll kif fil-kamp ċivili, hemm 640 appell, kawżi maqtugħin u ilhom aktar minn sena biex jiġu appuntati; 6,130 appell pendenti, aktar minn 312 il-kawża quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili.

Beppe Fenench Adami qal li mhux qed jikkundanna t-tmexxija ta’ dawn il-kawżi, iżda biex jikxef il-maskra tal-kritika inġusta li kienet saret kontra l-Ministru tal-Ġustizzja fil-leġiżlatura l-oħra, u l-maskra li 18-il xahar wara bir-roadmap, qegħdin f’sitwazzjoni agħar.

Tkellem dwar kif il-Gvern qiegħed iżeblaħ il-qasam tal-ġustizzja li mhix ugwali għal kulħadd, b’sistema li fiha, is-saħħa tal-liġi fil-konfront ta’ xi persuni li tressqu l-Qorti tingħata bl-ingwanti tar-rix, mingħajr it-toqol li hu mistenni.

Bħala eżempju semma tliet inċidenti. Semma l-każ ta’ madwar elf persuna li kienet inqabdet tisraq l-ismart metres tal-Enemalta bil-Gvern jagħti amnestija u maħfra. Staqsa kemm hemm minnhom li ma irregolawx mal-offerta ġeneruża li ta l-Gvern u għadhom sal-lum ma tressqux il-Qorti, u minflok ma tressqu qed isir negozjar magħhom kif iħallsu dak li serqu.

Fakkar fid-diskors tal-Partit Laburista li kien jgħajjat li jrid jaqbad il-big fish, u llum, sena wara, iż-żgħir tfajnih il-ħabs u ma tressaq ħadd mill-big fish. Saħaq li din mhix ġustizzja.
Semma wkoll li kien hemm persuni b’knarigi għolja fl-Enemalta u kapijiet tad-dipartiment tal-accounts li serqu d-dawl ukoll, u flok tressqu l-Qorti b’reat, kienu trattati bl-ingwanti tar-rix.

Semma wkoll il-famuż skandlu taż-żejt u fakkar kif gvern preċedenti kien assigura u ħa passi kriminali biex issir ġustizzja. Gvern Laburista llum, wara li tbiddlu l-investigaturi fil-każ, ma ressaqx persuna waħda għaliex anke fuq il-ġustizzja qed jabbuża.

Fakkar fil-każ tal-kaċċaturi li kissru l-liġi fi protersta li ħadu sehem fiha, b’ġuvnot li kellu azzarin mhux ta’ veru l-Pulizija qabżet fuqu u resqitu l-Qort. Iżda fl-inċident tax-xufier tal-Ministru Mallia li spara, qal Beppe Fenech Adami, il-Pulizija ħadet ġimgħa biex tressaq xufier ta’ Ministru.

Fakkar ukoll fil-kawża tal-Gvern Laburista kontra l-Partit Laburista biex il-Qorti tara jekk patrimonju ta’ €10 miljun jibqax f’idejn il-Partit Laburista, b’Muscat jaħfer lil Muscat bil-Gvern iċedi l-kawża fil-Qorti.

Irrifera wkoll għal żewġ inċidenti oħra serji li jtellfu l-fiduċja tal-Qrati – l-iskandlu tal-Maġistrat Peralta fejn deherlu li għandu jagħmel party f’awla tal-Qorti meta ħass li għandu l-libertà li jagħmel li jrid; u fil-każ tal-Imħallef Farruia Sacco li l-Gvern tefagħha taħt it-tapit meta ressaqha quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, u l-Imħallef laħaq irtira bl-età.