Għawdex Lokali

Joe Mizzi jew Anton Refalo jħawdu dwar il-każ tal-lifeboat imkissra fuq l-MV Gaudos

Il-Ministri Joe Mizzi u Anton Refalo għandhom verżjonijiet għal kollox kontrastanti għal ta’ xulxin dwar il-famuża lifeboat tal-MV Gaudos li kienet involuta f’inċident fil-Port ta’ Sa Maison u sofriet minn ħsarat estensivi.

Dan l-inċident seħħ aktar kmieni dan ix-xahar proprju fl-istess jum li l-istess vapur MV Gaudos żviluppawlu ħsarat waqt li kien dieħel fil-Port tal-Imġarr, Għawdex u b’riżultat ta’ dan baqa’ dieħel mal-moll u nkalja u minħabba f’hekk sofra ħsarat fil-qiegħ tiegħu.

Dwar din il-lifeboat id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea għamel Mistoqsija Parlamentari kemm lil Joe Mizzi, il-Ministru tat-Trasport, kif ukoll lil Anton Refalo, il-Ministru għal Għawdex. It-tweġibiet separati tagħhom huma differenti ħafna minn ta’ xulxin u jwasslu lil dak li jkun biex jikkonkludi li xi ħadd minnhom qiegħed iħawwad… fi ftit kliem mhux qiegħed jgħid il-verità.

Il-Mistoqsija Parlamentari ta’ Ċensu Galea lil Joe Mizzi kienet biex jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru jew xi awtorità li taqa’ taħtu ntalbitx biex toħroġ eżenzjoni għal dak li jikkonċerna l-użu ta’ lifeboats fuq il-vapuri tal-Gozo Channel. Staqsa wkoll li jekk iva, x’talba saret u minn min sareet. Ċensu Galea żied jistaqsi x’kienet ir-reazzjoni ta’ Transport Malta għal din it-talba u jekk intlaqgħet, għal kemm żmien ġiet milqugħa l-istess talba li saret u x’kundizzjonijiet kienu imposti.
Min-naħa tiegħu l-Ministru Joe Mizzi wieġeb li Transport Malta ma rċeviet l-ebda talba għal eżenzjoni rigward l-użu ta’ lifeboats fuq il-vapuri tal-Gozo Channel.

L-istess suġġett Ċensu Galea qajmu mal-Ministru Anton Refalo li kien mistoqsi jistax jagħti tagħrif dwar jekk il-Gozo Channel talbitx għal xi eżenzjoni mir-regolamenti li jikkontrollaw il-lifeboats fuq il-vapuri tagħhom lil Transport Malta jew lil xi awtorità oħra. Staqsa wkoll li kemm-il darba t-tweġiba hi iva, allura x’kienet l-eżenzjoni jew rikjesta oħra li saret, meta saret u x’kienet ir-reazzjoni tal-Awtorità kif ukoll għal kemm żmien ingħatat l-eżenzjoni li ntalbet.

Għal dawn id-domandi, dejjem fil-Parlament, il-Ministru Anton Refalo wieħeb li hu infurmat li ntalbet eżenzjoni fuq waħda mir-rescue boats għal perjodu ta’ ftit ġimgħat sakemm tissewwa l-ħsara li ġarrbet.
Hu żied iwieġeb li l-Gozo Channel ħadet passi oħra biex is-saħħa u s-sigurtà tal-passiġġieri ma tkunx kompromess.

Fi ftit kliem aħna nistaqsu:

1. Saret jew ma saritx talba għal xi eżenzjoni mir-regolamenti li jikkontrollaw il-lifeboats fuq il-vapuri tal-Gozo Channel?
2. Min qed jgħid il-verità – Joe Mizzi li qed jgħid li ma ntalbet l-ebda eżenzjoni jew Anton Refalo li qed jgħid li saret talba għall-eżenzjoni?
Verament każ li l-id il-leminija ta’ dan il-Gvern ma tafx x’inhi tagħmel l-id ix-xellugija!
Jekk hux tad-daħk jew tal-biki… jiddeċiedu l-qarrejja.