Lokali

Każ ta’ bullying fil-Primarja ta’ Raħal Ġdid

Omm ta’ tifel ta’ ħames snin, student tal-Year 1 fl-Iskola Primarja ta’ Raħal Ġdid, li tifforma parti mill-Kulleġġ San Ġorġ Preca, ilmentat fuq Facebook li binha u studenti oħra fl-istess klassi ripetutament qed jisfaw vittmi ta’ bullying minn student ieħor.

F’post li poġġiet fuq il-profil fuq Facebook tal-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo, din l-omm poġġiet ukoll ritratt ta’ gidma li binha sofra fi spalltu, allegatament minn dan l-istess tifel.

Kompliet tispjega kif minbarra din il-gidma, binha qala’ wkoll daqqa ta’ sieq f’geddumu, tifla oħra spiċċat bin-nuċċali mkisser filwaqt li tifel ieħor qala’ daqqa f’nagħsu. Qalet li dawn huma biss tlieta mill-każi li seħħew fl-aħħar tliet xhur.

L-istess omm qalet ukoll li din kienet ir-raġuni għaliex nhar l-Erbgħa nqalgħet ġlieda taħraq bejn żewġ ġenituri, omm it-tifel u omm tifel ieħor li ġie bullied, u kellha tissejjaħ l-assistenza tal-Pulizija, kif irraportat Maltarightnow (ara hawn).

L-omm li binha safa’ migdum saħqet li hemm il-biża’ li fil-jiem li ġejjin tinqala’ ġlieda ferm ikbar għaliex skont hi, omm it-tifel li qed isawwat lill-oħrajn saħansitra qed iġġib lil uliedha l-oħra magħha l-iskola biex jiġġieldu jekk jinqala’ argument.

Filwaqt li appellat biex il-Ministru Evarist Bartolo jieħu azzjoni, hi saħqet li l-ġenituri diġa’ tkellmu mal-madam tal-iskola, l-assistant heads tal-iskola kif ukoll lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.