Lokali

L-istorja tat-tfal li kienu msakkrin fid-dar u abbużati minn missierhom

Għall-ewwel darba wara ħafna snin, fuq il-programm Xarabank tal-Ġimgħa filgħaxija, żewġt aħwa tkellmu dwar l-istorja tagħhom u rrakkuntaw minn xiex għaddew. Storja tal-biża’ li ġrat f’Malta.

Iż-żewġt aħwa rrakkuntaw kif għal ħafna snin, missierhom kien isakkarhom f’kamra fid-dar u ma jħallihomx joħorġu. Kien isawwathom u jabbużahom sesswalment minn meta kienu għadhom żgħar ħafna. Saħansitra ħareġ lil bintu tqila. Ma kienx iħallihom imorru skola, ma kinux jiltaqgħu ma’ nies, ma kellhomx ħbieb u qatt ma ċċelebraw għeluq sninhom. Fl-intervista esklussiva stqarru li lanqas jafu meta hu l-‘birthday’ tagħhom.

Iż-żewġt aħwa illum għandhom fuq l-40 sena imma għadhom isbuha bi tqila ħafna biex jitkellmu ċar. Dan għaliex għal ħafna snin ma kinux jikkomunikaw mad-dinja ta’ barra. Ħafna jinsabu xxukkjati b’din l-istorja u qed iqabbluha mal-istorja ta’ Josef Fritzl, il-missier li kien jabbuża b’mod simili minn uliedu u kien sakkarhom f’kamra taħt id-dar għal aktar minn 24 sena.

Omm dawn iż-żewġt aħwa Maltin kienet tibża’ titkellem għax żewġha kien isawwatha bl-addoċċ ukoll, u mhux darba u tnejn kien igerbibha t-taraġ. Kien jgħidilha biex ma tħallix lit-tfal joħorġu mill-kamra u għall-ikel kien joħroġhom wieħed wieħed. L-aħwa rrakkuntaw kif kien hemm drabi meta raqdu bil-ġuħ ukoll.

L-aħwa rrakkontaw kif ġieli kellhom iċ-ċans li jaħarbu imma qatt ma azzardaw jaħarbu għax kienu jibżgħu li missierhom jagħmlilhom rapport l-għassa u tiġihom agħar.

Din l-istorja damet għaddejja għal ħafna snin sakemm miet il-missier. L-aħwa rrakkontaw kif dik kienet l-aqwa ħaġa li ġratilhom f’ħajjithom, u kif minn dakinhar ilhom ifittxu ħajja ġdida u aktar dinjituża, imma s’issa għadhom ma sabuhiex. Fil-preżent, id-dar tagħhom hija ‘caravan’ żgħira u qadima fil-qiegħ ta’ barriera.

Fost il-persuni li qed jaħdmu bla heda biex jgħinu lil dawn l-aħwa biex jibnu futur sabiħ, hemm is-Sindku taż-Żurrieq, Ignatius Farrugia li ltaqa’ magħhom b’kumbinazzjoni u qed jiddedika ħinu biex joffrilhom ħajja dinjituża.

Malli ġiet żvelata din l-istorja tqajmu ħafna mistoqsijiet dwar dan il-każ u ħafna staqsew kif matul dawn is-snin kollha, ħadd ma rrapporta jew ħa passi biex dawn l-aħwa ma jibqgħux jgħixu fil-ħajja miżera li kellhom.

Segwi l-istorja f’dan il-link : http://www.youtube.com/watch?v=ntJdFv8m1Gk&feature=youtu.be

Aktar dettalji dwar din l-istorja fis-siegħat li ġejjin …