Għawdex Lokali Parlament

L-istudju dwar il-mina m’għandux isir mill-istess kumpanija black listed li trid tibni l-bridge

Franco Mercieca ma kienx għal qalbu bil-kariga li kien ingħata fil-Kabinett, bil-konklużjoni li l-Prim Ministru jaf x’irid Franco Mercieca

L-istudju dwar il-mina bejn Għawdex u Malta m’għandux isir mill-istess kumpanija black listed li qed tagħmel l-istudji u li trid tibni l-bridge hi bejn il-gżejjer. Dan hu kunflitt ta’ interess għaliex il-kumpanija jaqblilha finanzjarjament li tibni bridge – liema possibbiltà il-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx magħha kemm mil-lat ambjentali kif ukoll minn dak ekonomiku.

Dan iddikjarah fil-Parlament is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Chris Said, meta tkellem dwar il-Ministeru għal Għawdex fid-diskusssjoni li għaddejja dwar il-Baġit.
Fuq il-permanent link b’mina jew bridge, il-Gvern ukoll mhux qed jagħti ebda informazzjoni ħlief dak li ġie ppubblikat fit-Times.

Tkellem dwar il-fast ferry service li kienet ukoll wegħda elettorali tal-Gvern li kellha ssir żgur f’qasir żmien.
Illum, din l-inizjattiva u l-wegħda ġiet mormija mill-Gvern, u dan jirriżulta minn numru ta’ mistoqsijiet parlamentari li fihom il-Ministru Refalo ma ċaħadx meta kien mistoqsi jgħid jekk f’laqgħat li saru kienx hemm diskors li ma jissemmiex aktar il-fast ferry service.

Chris Said qal li l-Ministru seta’ ċaħad, jew jgħid li qed jikkonsulta, jistudja jew jesplora kif wieġeb għal mistoqsijiet parlamentari oħra dwar proġetti oħrajn dwar il-konnettività. Fakkar li l-Partit Laburista wiegħed li dan is-servizz kellu jsir mill-aktar fiss. Filwaqt li qal li dwar il-konnettività il-Gvern wiegħed kollox, wara sentejn għadu ma sar xejn ħlief studji li qatt ma raw dawl.

Il-Gvern qed jaħrab ukoll li jwieġeb dwar il-cruise liner terminal u l-yacht marina, kif qed jaħrab ukoll li jwieġeb fid-dettall dwar il-proġetti l-oħrajn imsemmija. Dwar l-airstrip rurali, Chris Said qal li dan hu kunċett tajjeb, u talab lill-Ministru jgħid dwar x’rapporti saru fid-dawl ukoll ta’ nuqqas ta’ informazzjoni, u jpoġġi dawn ir-rapporti fil-Parlament.

Irrifera wkoll għad-diskors tal-Baġit dwar il-fees tal-Gvern li se jogħlew, u staqsa jekk dawn hux se jirduppjaw kemm f’Għawdex kif ukoll f’Malta minħabba li mill-voti tal-baġit għal Għawdex jirriżulta li mill-ħlasijiet li jsiru lill-Qorti f’Għawdex id-dħul se jiżdied minn €350,000 għal €550,000 s-sena d-dieħla.

Chris Said qal li filwaqt li s-sena li għaddiet fid-diskussjoni dwar il-baġit għal Għawdex l-Oppożizzjoni kkritikat lill-Ministeru għal Għawdex li kien bla saħħa meta ttiħdulhu d-deċiżjonijet minn taħtu dwar is-saħħa u l-edukazzjoni, issa għandna Ministeru mifni bi problemi interni.

Irrimarka li llum spiċċa s-Segretarju Permamenti f’Għawdex u l-Konsulent fil-Ministeru għal Għawdex, u numru ta’ membri fis-Segretarjat tal-Ministru spiċċaw taħt ċirkustanzi suspettużi. Saħaq li xi ħadd irid jispjega dwar dan.

Irrifera wkoll għal rapport ippubblikata fil-gazzetta Illum fejn jirriżulta li l-akbar problema hi li sieħeb il-Ministru Refalo stess irid jeħodlu s-siġġu. Din il-konklużjoni, qal Chris Said, toħroġ minn dak li jirriżulta mill-gazzetta Illum fejn id-Deputat Laburista Franco Mercieca qal li ma kienx għal qalbu bil-kariga li kien ingħata mill-Prim Minsitru bil-konklużjoni li l-Prim Ministru jaf x’irid Franco Mercieca, u x’ministeru jrid.

Chris Said qal li l-Għawdxin jinteressahom ix-xogħol. Fakkar li filwaqt li l-Gvern tela’ bl-għajta li joħloq xogħol ta’ kwalità għall-Għawdxin f’Għawdex stess, nafu li sal-lum għad hemm kuntratti ta’ xogħol b’kundizzjonijiet prekarji.

Semma l-iskema Ħaddar u Sebbaħ li kellha tagħti taħriġ lil 60 persuna, u rrimarka li dwar din l-iskema hemm numru ta’ mistoqsijiet parlamentari li l-Ministru Refalo qatt ma wieġeb, iżda li twieġbu lill-Ministru Bartolo li kkontradixxih u wieġeb. Semma wkoll kif dawn il-ħaddiema tħallsu mill-vot għall-Eko-Għawdex, mill-vot tal-Fiera Internazzjonali ta’ Malta u minn dak tan-Notte Gozitana li ma sarux, kif ma sar xejn lanqas għall-festi tal-50 anniversarju tal-Indipendenza meta anqas bandiera waħda fit-toroq ewlenin tar-Rabat ma ttellgħet.