Ewropa Internazzjonali Saħħa

L-ITALJA: Tħassib dwar tilqim tal-influwenza

L-Italja ssospendiet bħala prekawzjoni l-użu tat-tilqim kontra l-influwenza, magħmula mill-kumpanija Svizzera tal-farmaċewtiċi Novartis, fost tħassib serju li seta’ ikkawża l-mewt ta’ erba’ persuni.
L-Aġenzija tal-Farmaċewtika Taljana (AIFA) waqfet l-użu ta’ żewġ kunsinji tal-vaċċin Fluad wara li tliet persuni li ngħataw it-tilqima mietu u r-raba’ persuna twasslet l-isptar għax ħassitha marida ħafna, iżda mbagħad mietet ftit wara.

L-awtoritajiet insistew li t-tilqim kien “riżorsa prezjuża kontra l-influwenza staġjonali.”

Il-vittmi kienu żewġ nisa ta’ 87 sena u 79 sena kif ukoll anzjan ta’ 68 sena, it-tlieta li huma mietu bejn it-12 u d-19 ta’ Novembru fin-Nofsinhar tal-Italja.
In-Novartis insistit li ma kienet rappurtata ebda raġuni għaliex dan it-tilqim wassal għall-imwiet.
Studju dwar iż-żewġ kunsinji “ikkonfermaw li huma f’konformita’ mal-livelli kollha ta’ produzzjoni u ta’ kwalita’,” qalet in-Novartis.
L-istess studju żied li “is-sigurta’ għall-pazjent hi ta’ prijorita’ u l-kumpanija tieħu dawn ir-rapporti b’serjeta’ kbira”.
Uffiċjali u ħaddiema tas-saħħa talbu biex tirrenja l-kalma hekk kif l-aħbar dwar il-waqfien minn dan il-vaċċin inferxet malajr.
L-awtoritajiet insistew li t-tilqim kien “riżorsa prezjuża għall-prevenzjoni kontra l-influwenza staġjonali.”
Il-kunsinji suspettati ġew manifatturati f’impjant ta’ Novartis fil-belt ta’ Siena fir-reġjun tat-Toscana.
Il-kumpanija Svizzera qalet li l-vaċċin Fluad ilu jintuża sa mill-1997, u matul dan iż-żmien aktar minn 65 miljun doża ġew amministrati madwar id-dinja.