Ambjent Lokali

L-Oppożizzjoni titlob lill-Uffiċċju tal-Ombudsman jinvestiga allegat ksur ta’ Liġi mill-MEPA fil-każ ta’ Helena Dalli

Il-Kelliem għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Ryan Callus illum waranofsinhar ippreżenta ittra lill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, li fiha talab biex jinvestiga allegat każ ta’ ksur tal-Liġi mill-MEPA fil-każ tax-xogħol illegali li kien qed isir fil-Farmhouse tal-Ministru tal-Opportunitajiet Indaqs Helena Dalli.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-MEPA, Ryan Callus sostna li aktar kmieni din il-ġimgħa l-MEPA semgħat l-applikazzjoni ta’ sanzjonar ta’ xogħol illegali fuq il-propjetà ta’ Helena Dalli, bl-applikazzjoni saret f’isem ir-raġel ta’ Helena Dalli. Ryan Callus sostna li kollox jindika li l-MEPA kisret il-Liġi tal-Ambjent u l-Ippjanar meta semgħet u ddiferiet applikazzjoni għal sanzjonar ta’ xogħol illegali fuq sit barra miż-żona tal-iżvilupp, minkejja li kienet taf li sar xogħol illegali matul l-ipproċessar tal-applikazzjoni.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar fakkar kif il-Bord li ddiskuta din l-applikazzjoni nħatar ftit tal-ġranet ilu mill-Prim Ministru Joseph Muscat. B’dan l-allegat ksur, il-Ministru Helena Dalli qed tkompli tgawdi minn drittijiet aktar minn ħaddieħor.