FUTSAL: Bejn illum u nhar it-Tnejn, it-tim nazzjonali Malti tal-futsal li issa hu immexxi minn Mark Marlow se jkun impenjat f’żewġ partiti, waħda kontra s-Serbja u oħra kontra Ġibiltà, partiti ta’ turnament internazzjonali li se jsir f’pajjiżna. Dan hu r-raba’ turnament internazzjonali tal-futsal f’Malta u se jsir fil-Padiljun ta’ Kordin. Dawn it-turnaments qed isiru bi tħejjija għall-mini-turnament preliminari ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropew tal-2016 li se jsir bejn it-13 u t-18 ta’ Jannar. F’dan ir-rawnd il-Maltin se jilagħbu kontra l-Latvja, l-Ingilterra u l-Andorra.
Minn meta Marlow sejjaħ l-iskwadra, il-plejers attendew sessjonijiet intensivi ta’ taħriġ kuljum biex iħejju għal dawn iż-żewġ partiti li għandhom jibdew jagħtu indikazzjoni ċara ta’ fejn jinsab it-tim.
F’kummenti li ta waqt konferenza tal-aħbarijiet Marlow qal li l-ewwel jiem tiegħu fil-kariga ta’ kowċ nazzjonali tal-futsal kienu pożittivi. Marlow irringrazzja lill-Federazzjoni Maltija tal-Futsal li qed tikkolabora miegħu, speċjalment għall-fatt li għamlet xi tibdil fil-programm ta’ logħob biex takkomoda s-sessjonijiet ta’ taħriġ tal-plejers tat-tim nazzjonali. Fl-iskwadra hemm plejers ġodda u Marlow qal li dawn il-partiti se jkunu utli biex dawn jidraw is-sistema tat-tim.
Is-Serbi jinsabu fid-19-il post f’dawk li huma rankings mondjali tal-futsal filwaqt li minkejja li Ġibiltà huma tim inferjuri għas-Serbja, Marlow wissa lill-plejers biex ikunu kawti fil-logħob tagħhom.
Marlow temm billi ħeġġeġ lill-pubbliku biex jagħti l-appoġġ tiegħu f’Kordin.
Preżenti għall-konferenza flimkien ma’ Marlow kien hemm ukoll Matthew Mifsud, il-captain tat-tim u l-viċi captain Nicola Del’re. Il-gowlkiper Mifsud se jkun qed jirritorna fit-tim wara nuqqas ta’ madwar sena.
//= $special ?>
