Raġel ma nstabx ħati mill-Qorti tal-Maġistrati ta’ attentat qtil tal-ġar tiegħu wara li kien qed jiġi allegat li dan attakkah b’mannara. Il-Qorti qablet mal-argument tad-difiża li r-raġel kien qed jaġixxi biex jiddefendi lilu nnfisu mill-allegat vittma, li min-naħa tiegħu aggredieh b’sikkina.
Il-każ seħħ fit-18 ta’ April tal-2011, f’appartament fi Triq il-Ġifen f’San Pawl il-Baħar. Ronald Apap ta’ 44 sena ma nstabx ħati li ta daqqiet lil Joseph Calleja b’mannara, u li kien ikkaġuna ġrieħi lil martu Lucienne Calleja.
L-Avukat difensur Arthur Azzopardi qal li l-inċident inkwistjoni seħħ meta Joseph Calleja u martu marru fl-appartament ta’ Apap u qalu li kien qed jisraq l-elettriku. Li segwa kien li Apap u l-koppja Calleja ġew fl-idejn. F’ħin minnhom Apap ġie attakkat minn Calleja b’sikkina.
Il-punti tad-difiża kienu li l-mannara użata f’dan l-inċident qatt ma nstabet. Qalet ukoll li l-ġrieħi li sofra Calleja ma kinux kompatibbli ma’ daqqiet ta’ mannara. Id-difiża argumentat ukoll li minkejja li Apap kien mixli b’attentat ta’ qtil, ma kienet saret l-ebda inkjesta maġisterjali dwar l-inċident, u s-sikkina li allegatament intużat ma kinitx analizzata għall-marki tas-swaba’.
Il-Maġistrat Carol Peralta qal li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha li Apap attakka lil Calleja. Il-Qorti qalet li ma tistax tagħti spjegazzjoni kif mart Calleja spiċċat b’seba’ miksur. Il-Qorti nnotat ukoll li l-mannara qatt ma ġiet esebita fil-Qorti. Minħabba dawn l-inkonsistenzi, il-Maġistrat Peralta lliberat lil Apap mill-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu.