Ir-roadmap li wiegħed Muscat għal Għawdex għadha qed tinħema u kollox għadu qed jiġi studjat
Filwaqt li l-Gvern Laburista mmexxi minn Sant kien nieqes minn Ministeru għal Għawdex, illum, il-Gvern ta’ Muscat għandu Ministeru mneżża’ mir-responsabbiltajiet tas-saħħa u l-edukazzjoni, u dan jirrifletti li l-Gvern illum m’għandux fiduċja fil-Ministru għal Għawdex.
Id-Deputat Nazzjonalista Giovanna Debono qalet meta tkellmet fil-Parlament dwar il-Ministeru għal Għawdex, li għalkemm il-Gvern jgħid li Għawdex hi ta’ prijorità, m’hemmx il-ġenwinità fil-prijorità lejn Għawdex. Fissret li huma l-Għawdxin li jħossu l-bżonnijiet għall-gżira ta’ Għawdex li għandha wkoll l-isfidi partikolari tagħha, u li l-Gvern illum għadu ma fehemx lanqas din is-sitwazzjoni. Dan hu rifless fit-tweġibiet li jagħtu r-risposti dwar Għawdex meta affarijiet dwar Għawdex jintwieġbu mhux mill-Ministru għal Għawdex. Għandu jkun il-Ministru għal Għawdex li jkun responsabbli mill-ħtiġiet importanti għal Għawdex u l-Għawdxin.
Giovanna Debono fissret li hu għalhekk li mill-1987 ‘l quddiem, f’Għawdex saru proġetti, servizzi u żvilupp sostenibbli, bl-għajnuna wkoll ta’ fondi Ewropej, għaliex kien hemm Ministeru responsabbli minn Għawdex.
Fissret li taħt il-Gvern ta’ Muscat, Għawdex ma marx għall-aħjar u x-xogħol li sar s’issa f’Għawdex hu riżultat ta’ xogħlijiet li kienu nbdew mill-amministrazzjoni preċedenti. Dan hekk kif ir-roadmap li wiegħed Muscat għax fir-risposti li jwieġeb fil-Parlament jgħid li kollox għadu qed ikun studjat.
Semmiet li l-proġett tal-Waterfront taż-Żewwieqa issa tlesta, u kien proġett mill-amministrazzjoni Nazzjonalista li għolla wkoll il-prodott turistiku f’Għawdex. Hu proġett b’investiment ta’ €4 mijun li hu wkoll rigal lill-Għawdxin.
Il-proġett taċ-Ċittadella wkoll inbeda mill-amministrazzjoni Nazzjonalista u l-fatti huma li kien diġà sar ħafna u llum il-Gvern qed ikompli dak li kien tfassal mill-amministrazzjoni preċedenti. Fiċ-Ċittadella, sar restawr kbir fuq is-swar b’teknoloġija tal-laser b’nefqa ta’ madwar €7 miljun finanzjat ukoll mill-Unjoni Ewropea.
Kien ukoll Gvern Nazzjonalista li ħadem biex l-UE approvat il-proposta li 10% tal-fondi jmorru għal Għawdex.
Semmiet li hu pożittiv li se ssir Dar għall-Anzjani f’Għawdex, iżda rrimarkat li din id-dar, ukoll qed tieħu ż-żmien tagħha, iżda hu proċess li jrid isir.
Dwar l-aħbar li ta l-Prim Ministru li se jkollu kampus ġdid tal-MCAST f’Għawdex, Giovanna Debono fakkret li 24 siegħa wara uffiċjali tal-gvern ħadu ċ-ċwievet taċ-Ċentru tal-Arti u l-Artiġġjanat biex ingħalalq, tferrex it-tagħlim li kien jingħata minn dan iċ-Ċentru, u ġie sparpaljat dan it-tagħlim biex jinbidel f’kampus għall-MCAST meta kulħadd ħaseb li l-Gvern se jibni kampus ġdid.
Dwar il-hub mediku f’Għawdex, qalet li filwaqt li dan hu żvilupp pożittiv, qalet li l-hub jista’ jsir għaliex fis-snin li għaddew tjiebet l-infrastruttura, tjieb il-prodott turistiku, u tjiebet ukoll l-infrastruttura tal-Isptar ta’ Għawdex.
Dwar id-diskors tal-Baġit, qalet li hemm ripetizzjonijiet ta’ proġetti li kienu wkoll issemmew fil-baġit tas-sena l-oħra, fosthom id-dar tal-anzjani, iċ-Ċittadella u l-Qorti ta’ Għawdex,
Il-Gvern qed jgħid ukoll li f’Għawdex se jerġa’ jiftaħ l-uffiċċju tal-MEUSAC li għalaq dan il-Gvern stess. Jissemma wkoll l-air link u l-permanent link u appellat għal aktar serjetà mill-Gvern minħabba s-sensittività ta’ dawn l-iżviluppi li għandhom ikunu bbażati fuq studji.
Dwar l-industrija tat-turiżmu, Giovanna Debono qalet li din tissaħħaħ jew tiddgħajjef skont il-ħidma li ssir. Fissret li saret ħidma kbira fis-snin li għaddew biex it-turiżmu jissaħħaħ, u diversi inizjattivi fit-turiżmu intern. Awgurat li dan ir-ritmu jkompli minn dan il-Gvern.
Irrefriet ukoll għad-dokument li ppubblika l-Gvern mal-baġit: ‘It-twettiq tal-Baġit 2014′, u semmiet li dwar Għawdex hemm biss erba’ miżuri biss imwettqa minn 253 miżura li kien inkluda l-Baġit.
Appellat għal Ministeru li jaħdem għal Għawdex, u Gvern li jħalli lill-Ministeru jaħdem u mhux bir-responsabbiltajiet mifruxa ma’ Ministeri oħrajn.
Irrimarkat li bil-ftit flus allokati għas-sena d-dieħla għall-proġetti tad-Dar tal-Anzjani u l-Qorti f’Għawdex, dawn il-proġetti se jerġgħu jitressqu fil-baġit li jmiss tas-sena d-dieħla.
Dan hu Baġit li fih miżuri tajbini iżda żgur li seta jkun ferm aħjar u Għawdex ma jridx biss kliem u ma jridx repetizzjoni ta’ dak li smajna diġà, il-poplu Għawdxi qed jintebaħ li hu Gvern tal-kliem biss, u li hu fatt li l-poplu ma ra xejn.
//= $special ?>