Lokali

Roberto Cristiano jirriżenja mill-Enemalta

Is-Sindku tal-Gżira Roberto Cristiano rriżenja mill-kariga tiegħu bħala Direttur Eżekuttiv tar-Riżorsi Umani u s-Servizzi Korporattivi tal-Enemalta. MaltaRightNow.com jinsab infurmat li r-riżenja għall-għarrieda ta’ Cristiano waslet wara argumenti li kellu mal-GWU wara li numru kbir ta’ ħaddiema tal-Enemalta ġew imċaħħda mill-flexi-hours.

Din id-deċiżjoni, li affettwat il-ħaddiema li talbu biex ikunu jistgħu jvarjaw il-ħin tax-xogħol tagħhom sa massimu ta’ siegħa, qajmet furur fil-GWU u rabja fost il-ħaddiema.

F’Settembru 2013, ftit wara li laħaq Manager tal-Enemalta, Cristiano kien diġà ħa deċiżjoni oħra kontroversjali meta b’sempliċi email qabad u elimina t-teleworking lill-impjegati tal-Korporazzjoni.

Anke’ din id-deċiżjoni kienet qajmet rabja kbira fost l-impjegati tal-Enemalta, tant li tneħħiet ftit sigħat biss wara li ntbagħtet l-email.

Roberto Cristiano kien ġie impjegat mal-Enemalta bħala Manager tad-Diviżjoni tar-Riżorsi Umani u r-Relazzjonijiet Industrijali f’Awwissu 2013 mingħajr sejħa għall-applikazzjonijiet. Qabel, hu kien is-Segretarju tat-Taqsima tal-Manifattura u n-Negozji Żgħar u Medji tal-GWU. Ftit wara li nħatar Manager Sezzjonali f’Marzu 2014, Cristiano kien ġie promoss għall-kariga ta’ Direttur Eżekuttiv tar-Riżorsi Umani u s-Servizzi Korporattivi.

Cristiano kien ħa post l-Inġinier Stefan Calamatta, li wkoll kien ġie impjegat taħt Gvern laburista iżda ħalla l-kariga ftit biss wara. Issa li Cristiano spiċċa minn Direttur Eżekuttiv, is-sejħa għall-applikazzjonijiet inħarġet għall-ingaġġ ta’ Manager u mhux ta’ Direttur.

Roberto Cristiano Tluq Enemalta Cirkolari 281114