Sandro Spiteri ta’ 37 sena miż-Żejtun mar sitt xhur ħabs wara li nstab ħati li 14-il sena kien involut fit-traffikar tad-droga eroina. Fix-xhieda kien is-Supretendent Carmelo Bartolo, dak iż-żmien Spettur li qal li f’Awwissu tas-sena 2000, kien kiseb informazzjoni mingħand terza persuna li riedet tibqa’ anonima, b’konnessjoni ma’ bejgħ ta’ dorga eroina u dan fir-rigward ta’ Spiteri.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha kkunsidrat iż-żmien li għadda minn fuq il-każ u l-fatt li Spiteri rabba l-għaqal u mexa ‘l quddiem fil-ħajja fejn jidher li rabba l-għaqal. Fuq il-każ wara li s-Supretendent Bartolo kien reġa’ kiseb informazzjoni ġdida fir-rigward tal-istesss Żejtuni u dan kien fi Frar tas-sena 2001, kemm b’konnessjoni mad-droga, u kif ukoll dwar xi involviment li setgħa kellu dwar serq.
L-Ispettur Bartolo kien għalhekk arrestah u Spiteri ammetta l-involviment tiegħu kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-bejgħ tad-droga u anke fuq diversi serqiet li wettaq. Fl-istqarrija tiegħu fi Frar tal-2001, li ġiet esebita fil-Qorti mill-Ispettur Bartolo, kien spjega fit-tul u ta d-dettalji dwar numru ta’ serqiet li kien wettaq minn diversi postijiet.
Spiteri kien ammetta mal-Pulizija li huwa ġieli biegħ id-droga biex imantni l-vizzju li kellu għaliex kien jabbuża mid-droga eroina. Qal li kien ibigħ id-droga dejjem lill-istess tliet persuni. Kien tenna li għall-ħabta ta’ Awwissu tas-sena 2000, kien ibigħ id-droga eroina f’erba’ okkażjonijiet fil-ġimgħa. Huwa qal ukoll li kien waqaf jagħmel dan xi erba’ xhur qabel, meta kien ġie arrestat fuq pakkett ta’ droga li kellu.
Dakinhar huwa kien miżmum taħt ordni ta’ probation u ddeċieda li jibda programm ta’ riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga. Meta f’April tal-2010 d-difiża kienet iddikjarat li ma kienx hemm il-ħtieġa li jittellgħu aktar xhieda dwar il-volontarjetà tal-istqarrija ta’ Spiteri, kienet esebiet ukoll sentenza mogħtija f’Lulju tal-2009 fil-konfront tiegħu.
F’din is-sentenza, il-Qorti kienet sabitu ħati li nhar it-13 ta’ Novembru tal-2001, kien ittraffika d-droga eroina, u kif ukoll li kellu fil-pussess tiegħu l-istess droga li nstabet f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklużiv tiegħu.
Id-difiża ma kienitx ikkontestat l-ammissjoni tiegħu fl-istqarrija li rrilaxxa fi Frar tal-2001. Madankollu d-difiża qalet li Spiteri kien diġà tressaq u nstab ħati tal-akkużi b’sentenza li ngħatat fl-2009.
Kien għalhekk li d-difiża qalet li r-reati li nstab ħati tagħhom Spiteri permezz ta’ din is-sentenza huma ripettizzjoni tal-istess fatti li huwa kien tkellem dwarhom fl-istqarrija tiegħu mas-Supretendent Bartolo.
Madankollu, il-Qorti qalet li jirriżulta ċar li l-akkużi inkwistjoni jirreferu għax-xahar ta’ Awwissu tas-sena 2000 u fix-xhur ta’ qabel, l-imputazzjonijiet mertu tas-sentenza tal-2009 li fuqha qed tistrieħ id-difiża jirreferu għal dak li seħħ f’Novembru u fil-ġimgħat ta’ qabel.
Il-Qorti qalet li huwa ċar li Spiteri f’dik is-sentena ma kienx iġġudikat dwar l-istess fatti mertu ta’ din il-kawża. Għalhekk il-Qorti qalet li l-ewwel imputazzjoni, dik ta’ traffikar ta’ droga eroina, kienet ippruvata mill-Prosekuzzjoni.
X’ħin ġiet biex tikkonsidra dwar il-piena, il-Qorti kkunsidrat it-trapass taż-żmien li ma kienx dovut għal xi nuqqasijiet min-naħa tal-imputat, u l-fatt li l-imputat ikkopera mal-Pulizija tant li l-Pulizija bdiet l-investigazzjonijiet tagħha fuq l-istqarrija li ta l-imputat stess.
Il-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni wkoll ix-xhieda tat-tabib Damien Spiteri, li huwa social worker, li tkellem b’mod pożittiv dwar l-imputat. Infatti t-tabib Spiteri qal li seta’ jara li l-imputat kien miexi ‘l quddiem f’ħajtu, kien qiegħed jaħdem u li ma kienx għadu jabbuża mid-droga. Għalhekk il-Qorti ddeċediet li għandha timponi l-piena fil-minimu tagħha u kkundannat lill-imputat għal sitt xhur ħabs filwaqt li mmultatu s-somma ta’ €500.
//= $special ?>

