Internazzjonali Kurżitajiet

Statwa ta’ 23,000 sena tinstab fi Franza

Statwetta magħmula mill-ġebel ta’ mara, li għandha madwar 23,000 sena, ġiet skoperta fit-Tramuntana ta’ Franza, u l-arkejologi qed iqisuha bħala “sejba eċċezzjonali”.

L-arkejologi sabu din l-istatwa taż-żmien Paleolitiku, waqt li kienu qed iħaffru f’Amiens matul is-sajf – l-ewwel sejba ta’ din it-tip li seħħet wara 50 sena.

“Is-sejba ta’ din il-kapulavur hi eċċezzjonali u ta’ importanza internazzjonali,” qalet Nicole Phoyu-Yedid, il-kap tal-affarijiet kulturali fiz-zona.

“Konna qed nistennew li nsibu oġġetti klassiċi, bħalma huma għodda taż-żnied jew għadam,” qal l-arkejologu Clement Paris. Iżda fit-tieni jum ta’ xogħol fuq is-sit, it-tim ta’ arkejologi sab munzell ta’ġebel u nstabu biċċiet li ma dehrux naturali.

“Matul l-istess lejl, għaqqadna l-20 biċċa flimkien u rrealizzajna li kienet statwa ta’ mara,”żied Paris. Il-proċess tal-carbon-14 wera li l-istatwa għandha xi 23,000 sena.