Edukazzjoni Lokali

90% tal-għalliema jibżgħu jkunu waħedhom mat-tfal

Skont stħarriġ maħruġ mill-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, li r-riżultati tiegħu tħabbru waqt konferenza nazzjonali tal-istess unjin li tratta kwistjonijiet legali u etiċi li jiltaqgħu magħhom l-għalliema, jidher li madwar 90% tal-ghalliema jibżgħu jkunu waħedhom mat-tfal.

Din il-konferenza ġiet organizzata fl-isfond ta’ numru ta’ allegazzjonijiet ta’ abbużi li wħud minnhom kienu jikkonċernaw allegazzjonijiet foloz.

L-istħarriġ juri wkoll li fid-dawl ta’ dan, madwar 60% tal-għalliema jibżgħu jkollhom kuntatt mil-viċin mal-istudenti, u saħansitra 34% jastjenu milli jorganizzaw xogħol volontarju li fih jipparteċipaw tfal żgħar.

Jidher ukoll li 56% tal-għalliema jahsbu li f’kaz ta’ allegazzjonijiet foloz ta’ abbuz ma jsibux sapport mill-istituzzjoni li jaħdmu fiha.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm il-kelliem tal-Oppożizzjoni tal-Edukazzjoni Joe Cassar li fisser l-importanza li tinstab soluzzjoni sabiex titrażżan il-biża’ fost l-għalliema dwar kwistjoniet ta’ abbuż bejn l-għalliema u l-istudenti. Huwa saħaq fuq l-importanza ta’ emendi neċessarji għal dawk il-liġijiet kollha li jikkonċernaw lit-tfal.