Baqgħu għaddejjin id-deċiżjonijiet li se jikkommettu darba għal dejjem il-ftit art li għandna b’tibdil favur aktar bini f’zoni ODZ
Il-Baġit tfisser mid-Deputat Nazzjonalista Charló Bonnici bħala wieħed nieqes minn konkretezza li wieħed jistenna minn eżerċizzju bħal dan. Dan jgħodd ukoll għall-qasam ambjentali b’ħafna inizjattivi li wkoll issemmew fil-baġit tas-sena l-oħra u li s’issa għadhom ma twettqux jew ma twettqux għal kollox.
Meta tkellem fil-Parlament dwar is-settur tal-ambjent fil-Baġit, Charló Bonnici semma li l-wegħda tal-firda tal-ippjanar u l-ambjent fil-MEPA għadha ma seħħitx, u li sakemm tiġi finalizzata l-firda tal-MEPA ħafna ħaddiema jibqgħu fil-limbu jistennew min se jmexxi din l-entità.
Minkejja li għadha ma twaqqfitx l-Awtorità responsabbli mill-Ambjent u r-Riżorsi, baqgħu għaddejjin id-deċiżjonijiet li se jikkommettu darba għal dejjem il-ftit art li għandna b’tibdil favur aktar bini f’zoni ODZ, li se jikkommettu darba għal dejjem riżorsi oħra bħall-baħar u l-bijodiversità bi proġetti li jirrikjedu reklamazzjoni tal-art.
Baqgħu għaddejjin ukoll l-abbużi, bħalma kien il-każ ta’ xogħol illegali f’residenza tal-Ministru Helena Dalli u r-raġel tagħha minkejja li hemm notifika ta’ infurzar fuq l-istess proprjetà li parti minnha qiegħda mibnija fuq art ODZ.
Dwar it-tneħħija tal-eko-kontribuzzjoni minn fuq l-apparat elettroniku li jaħdem bl-elettriku, magħruf bħala WEEE, qal li se jibdew jikkonsultaw meta diġà saret l-għażla li ma titħallasx l-eko-kontribuzzjoni jekk wieħed jingħaqad ma’ xi skema approvata li taħseb kif jinġabar l-iskart minn dawn il-prodotti. Fisser ukoll li dwar l-ispazji li jservu ta’ green belts fil-komunità, ħadd ma jaf dawn il-green belts fiex jikkonsistu u kif ser jaħdmu.
Tkellem ukoll dwar is-siti Natura 2000 u qal li f’dan il-baġit ma kienx hemm inizjattivi favur ħarsien akbar ta’ dawn is-siti. Staqsa jekk wasalx iż-żmien li titwaqqaf Aġenzija bi r-rwol li tmexxi dawn is-siti.
Dwar il-liġi dwar it-tibdil fil-Klima, Charlo Bonnici qal li l-Oppożizzjoni se tivvota favur dan l-abbozz, u fisser li hemm bżonn mekkaniżmi fil-liġi kontra t-tibdil fil-klima u miżuri kontra l-emissjonijiet.
Dwar l-immaniġġjar tal-iskart fid-dawl tal-miri f’diversi oqsma sal-2020, Charló Bonnici għamel diversi mistoqsijiet fosthom dwar transfers fil-Wasteserv u posting ta’ numru ta’ persuni magħrufin għat-twemmin politiku f’sezzjonijiet differenti tal-kumpanija.
Irrifera għall-Wasteserv u l-Impjant ta’ Sant’Antnin u qal li issa li kważi għaddew sentejn minn din l-amministrazzjoni, jekk kien hemm problemi suppost li ġew indirizzati. Stenna li l-baġit kellu jippreżenta wkoll miżuri prattiċi li jgħinu fl-immaniġġjar tal-iskart. Semma bħala eżempju, l-ingaġġ mal-Kunsilli Lokali ta’ Street Green Enforcement Officers li jduru t-toroq u jkellmu lis-sidien li ma jkunux isseparaw l-iskart kif suppost.
Sakemm il-Gvern isib l-aħjar triq, appella li jindirizza s-sitwazzjoni ta’ bring-in sites maħmuġa u mfawrin. Appella lill-Ministru jniedi progett nazzjonali għall-ġbir tal-iskart kummercjali separat.
Irrifera għal dak li qed jiġri f’pajjiżi tal-UE fejn jeżistu sistemi fejn wieħed ikun inċentivat jieħu lura l-fliexken għand is-supermarkets u ħwienet apposta oħra, b’sistema li ma tinvolvix nies iżda magni għal tal-apposta.
Dwar il-proposta tal-Gvern li qed jikkonsidra li jintroduċi t-tielet borża għall-iskart organiku, irrimarka li m’hemmx timelines għal dan il-proġett, u appella għal aktar ħsieb biex din il-miżura tkun effettiva.
Il-Baġit ma jsemmi xejn dwar meta tliet snin oħra tkun imtliet il-miżbla tal-Għallis. Ma smajna xejn mill-Gvern dwar l-istudju li kellu jagħmel dwar il-Waste-to-Energy, fuq l-inċineratur, u fuq l-impjant li jittratta d-demel tal-annimali li suppost kien wasal għall-permess. Semma li anke l-enerġija li nistgħu niġġeneraw bħalissa jidher li hemm il-problemi dwarha.
Semma wkoll kif il-politika dwar il-green jobs ma twetqitx.
Charló Bonnici sejjaħ lill-Ministru Brincat jagħti widen għall-appelli li sarulu, l-aktar mill-ambjentalisti, sabiex ma jaħsilx idejh mill-problemi ambjentali li qed jiffaċċja l-pajjiż, u jara wkoll li ma jinqabiżx f’deċiżjonijiet importanti dwar dan il-qasam.
//= $special ?>