Internazzjonali

Bastimenti Russi jgħaddu mill-Kanal Ingliż

Bastimenti tar-Royal Navy kienu seba’ għajnejn għal grupp ta’ bastimenti militari Russi li għaddew mill-Kanal Ingliż.
Wara li għaddew mill-Kanal, il-bastimenti ankraw barra l-Bajja ta’ Seine fi Franza. Il-Ministeru għad-Difiża tar-Russja ġie kkwotat minn media Russi li qal li l-bastiment Russi daħlu fil-Kanal biex jistkennu minn maltempata wara ġimgħa ta’ manuvri fil-Baħar tat-Tramuntana. Imma rapporti oħra qalu li dawn kienu qed jagħmlu xi taħriġ militari.
Il-Ministeru qal fi stqarrija pubblikata minn aġenziji tal-aħbarijiet Russi li destroyer, landing craft, lanċa tas-salvataġġ u bastiment għal ġarr tat-tankijiet, kellhom jankraw f’ibħra internazzjonali tal-Bajja ta’ Seine, ‘il barra mill-kosta ta’ Franza. L-istqarrija qalet li l-bastimenti kienu qed jagħmlu eżerċizzji navali fil-Baħar tat-Tramuntana sa mill-20 ta’ Novembru.