Internazzjonali Kurżitajiet

Christian Bale jgħir għal Ben Affleck għax se jinterpreta r-rwol ta’ Batman minfloku

Meta l-attur ta’ The Dark Knight Rises neża’ l-kappa tiegħu fi tmiem l-aħħar minn tliet films taħt id-direzzjoni ta’ Christopher Nolan, ħafna nies ħassew in-nuqqas ta’ l-aqwa Batman.

Jidher li l-attur Christian Bale ukoll kien imdejjaq! Hu ammetta mar-rivista Empire li għall-ewwel hu ddispjaċih li waqaf milli kompla jirreċta r-rwol ta’ Batman.

“Irrid nammetti inizjalment, anki jekk ħassejt li kien l-aħjar żmien biex nieqaf, dejjem kien hemm xi ħaġa li riditni nkompli, “U iva, kompli…Ejjew nagħmlu film ieħor,”sostna Bale. “Allura meta smajt li kien hemm xi ħadd ieħor li se jinterpreta l-parti ta’ Batman, kien hemm mument fejn waqaft kompletament u ċċassajt fix-xejn għal kważi nofs siegħa.”

Issa li se jkun hemm Ben Affleck bħala l-Batman li jmiss, fil-film Batman vs Superman: Dawn of Justice, Christian Bale qal lir-rivista li hu ddeċieda li jgħin lil Affleck dwar kif għandu jinterpreta l-parti ta’ Batman.

Minkejja li mhux se jkun qed jipproteġi l-belt ta’ Gotham mill-qerda tagħha, Christian Bale jinsab okkupat bix-xogħol hekk kif ingħata r-rwol ta’ Mose’ fil-film il-ġdid tiegħu bl-isem ta’ Exodus. U dan mhux biżżejjed! Ir-rebbieħ tal-premju Oscar ukoll iffirma kuntratt biex jieħu sehem fil-film The Jungle Book: Origins, li se jkollu l-parteċipazzjoni ta’ atturi oħrajn, bħal Benedict Cumberbatch, Naomie Harris u Cate Blanchett.

Skont The Hollywood Reporter, l-attur ukoll kien se jieħu r-rwol ta’ Steve Jobs fil-film il-ġdid dwar dan l-imprenditur, b’direzzjoni ta’ Aaron Sorkin. Iżda Christian Bale warrab minn dan il-proġett għax ħass li hu ma kienx addattat għall-parti.