Lokali

Esklussiva: Il-MEPA ticħad, imma l-Prim Ministru jikkonferma x-xogħol fil-proprjeta’ tal-Ministru Dalli

Il-MEPA ticħad dak li tenniet l-Oppożizzjoni dwar ħidma ta’ bini llegali fil-farmhouse tal-Ministru għall-Opportunitajiet Indaqs, Helena Dalli.

Dan ħareġ minn stqarrija li l-Awtorita’ Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar ħarġet is-Sibt filgħodu, fejn irreferiet għal kummenti tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus, li kompla jitfa’ dawl fuq dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat b’rabta mal-proprjeta’ tal-Ministru.

Il-MEPA qalet li fl-analiżi tagħha, meta qabblet ir-ritratti li ħadet hi stess fl-14 ta’ Novembru, ma’ dawk li ttieħdu fid-29 ta’ Marzu ta’ sentejn ilu, deher li ma sar l-ebda xogħol ġdid ta’ kostruzzjoni. Hi qalet li innutat biss li kien hemm ċaqliq ta’ ħamrija u materjal ieħor viċin iż-żona tal-pixxina.

Fid-dawl ta’ dan, il-MEPA tenniet li l-avviż ta’ infurzar ma nkissirx.

Iżda dan imur ferm kontra dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat, kemm fil-Parlament, kif ukoll fuq programm tar-radju. Segwi l-kummenti hawnhekk.

Wieħed għalhekk jistaqsi min qed jgħid il-verita’, jekk hux il-MEPA jew il-Prim Ministru ta’ Malta.