Ambjent Lokali

“Il-Gvern laħaq livelli ġodda ta’ diżonesta’ fl-ambjent” – Astrid Vella

“Il-Gvern laħaq livelli ġodda ta’ diżonesta’ fejn jidħol l-ambjent, b’baġit qarrieqi ppreżentat din is-sena mill-Gvern f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-ambjent.”

Kienu dawn il-kummenti ta’ Astrid Vella, mill-Għaqda mhux Governattiva Flimkien għal Ambjent Aħjar f’post fuq Facebook li fiha rreferiet ukoll għall-kummenti tad-Deputata tal-Gvern Marlene Farrugia, li ddeskriviet il-pjani tal-Gvern dwar l-ambjent bħala pont li ma jwassal għal imkien.

Astrid Vella qalet li l-baġit ta’ din is-sena jipproponi fondi għal kontra l-effetti tal-bidla fil-klima, fl-istess żmien li pajjiżna qed jirriskja multa sostanzjali għaliex ma ġewx implimentati l-liġijiet biex tiżdied l-effiċjenza tal-enerġija fil-bini.

Hi kompliet li dan qed isir fl-istess żmien meta dejjem iktar siġar qed jinqerdu u l-ilma tax-xita għandu jintrema u jinħela fil-baħar.

“Il-baġit jipproponi wkoll studju biex tkun preservata l-ħdura madwar il-bliet tagħna, meta l-MEPA tinsab impenjata tqassam policies u permessi biex din il-ħdura minflok tinbena kemm jista jkun malajr,” temmet tgħid Astrid Vella.