Futbol Sport

Il-ħames rebħa konsekuttiva għal Valletta

TARXIEN R…………0

VALLETTA…………6

Tarxien:J. Debono, K. Farrugia, M. Caruana, C. Barbosa Viana, T. Caruana, W. Lima Silva, R. Sammut, L. Zahra, A. Cini, M. Tabone, J. Santos Silva
Sost- M. Xerri flok J. Santos Silva 40’, S. Sadowski flok W. Lima Silva 62, L. Aquilina flok A. Cini 62’
Valletta:N. Vella, R. Camilleri, S. Borg, J. Caruana, I. Azzopardi, R. Fenech, S. Bajada, R. Briffa, H. Barry, A. Nafti, L. Elford Alliyu
Sost- H. Faria flok R. Fenech 69’, L. Dimech flok S. Borg 73’, R. Kooh Sohna flok H. Barry 76’
Imwissija:M. Tabone 59’ (T)
Skorjaw:A. Nafti 15’, H. Barry 39’, 75’ , L. Elford Alliyu 52’ 88’, R. Kooh Sohna 89’ (V)
Referee:Alan Mario Sant
Attendenza:651

Valletta komplew bil-mixja pożittiva meta f’partita identika bħal dik kontra Mosta, għelbu lil Tarxien Rainbows 6-0 b’wirja oħra konvinċenti. Il-partita kienet bla storja fejn sa mill-bidu deher li Valletta kien ser ikollhom il-kmand tal-partita b’Tarxien rari jheddu l-lasti Beltin.
Għal darba oħra għal Valletta spikkaw diversi plejers b’Roderick Briffa, Shaun Bajada u Ryan Fenech jikkmandaw nofs il-grawnd filwaqt li Nafti, Barry u Elford Alliyu jinfiltraw id-difiża b’diversi krosses ta’ theddid.
Tarxien reġgħu iddiżappuntaw u komplew is-serje negattiva għal sitt logħbiet mingħajr rebħa u ġarrbu wkoll it-tielet telfa konsekuttiva hekk kif il-kowċ Clive Mizzi għandu problema kbira biex idawwar ir-rota għat-triq tar-rebħ.
Il-kowċ Belti Ivan Zammit żamm l-istess formazzjoni li għelbet lil Mosta ħlief ir-ritorn ta’ Ryan Fenech li ħa post Hugo Faria. Min-naħa l-oħra wara t-telfa kontra Sliema, il-kowċ Clive Mizzi għamel erba’ bidliet b’Jonathan Debono jirritorna fil-lasti flok Sean Mintoff, filwaqt li Kane Farrugia, Luke Zahra u Matthew Tabone ħadu post Owen Bugeja, Alessandro Lopes Pereira u Carlos Hevia Menendez.
Valletta fetħu fuq l-offensiva u wara biss tliet minuti marru viċin meta Shaun Bajda pprova jqabbeż fuq Debono iżda l-konklużjoni għaddiet ftit barra. Il-Beltin marru fil-vantaġġ fil-15-il minuta meta Roderick Briffa klrossja fil-baxx lejn ABDELKARIM NAFTI li b’xutt mill-ewwel għeleb lil Debono.
B’Tarxien isibuha diffiċli jimpostaw il-logħob tagħhom, Valletta kellhom il-kontroll u fit-28 minuta konklużjoni b’saħħitha ta’ Abdelkarim Nafti għaddiet ftit għoli. Iċ-Champions ingħataw penalty fid-39 minuta meta Ryan Sammut waqqa’ lil Hamza Barry fil-kaxxa u mill-ħdax il-metru l-istess HAMZA BARRY ma żbaljax.
Valletta għalqu t-taqsima fuq l-attakk b’żewġ konklużjonijiet oħra fit-43 minuta b’xutt bil-lemin ta’ Ryan Fenech u żewġ minuti wara xutt ta’ Lateef Elford Alliyu li ġie mdawwar f’korner minn Debono.
It-tieni taqsima baqgħet fuq l-istess ritmu u fil-51 minuta Briffa għadda lejn Nafti li kellu x-xutt imdawwar f’korner. Mill-korner sussegwenti Valletta għamluhom tlieta meta LATEEF ELFORD ALLIYU bir-ras għeleb lil Debono.