Ambjent Lokali

Il-MEPA tiċħad li qatt sar xogħol ieħor fil-farmhouse tal-Ministru tal-Opportunitajiet Indaqs

Il-Kelliem għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Ryan Callus fil-jiem li għaddew ippreżenta ittra lill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, li fiha talab biex jinvestiga allegat każ ta’ ksur tal-Liġi mill-MEPA fil-każ tax-xogħol illegali li kien qed isir fil-Farmhouse tal-Ministru tal-Opportunitajiet Indaqs Helena Dalli.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-MEPA, Ryan Callus sostna li aktar kmieni din il-ġimgħa l-MEPA semgħat l-applikazzjoni ta’ sanzjonar ta’ xogħol illegali fuq il-propjetà ta’ Helena Dalli, bl-applikazzjoni saret f’isem ir-raġel ta’ Helena Dalli.

Ryan Callus sostna li kollox jindika li l-MEPA kisret il-Liġi tal-Ambjent u l-Ippjanar meta semgħet u ddiferiet applikazzjoni għal sanzjonar ta’ xogħol illegali fuq sit barra miż-żona tal-iżvilupp, minkejja li kienet taf li sar xogħol illegali matul l-ipproċessar tal-applikazzjoni.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ippjanar fakkar kif il-Bord li ddiskuta din l-applikazzjoni nħatar ftit tal-ġranet ilu mill-Prim Ministru Joseph Muscat. B’dan l-allegat ksur, il-Ministru Helena Dalli qed tkompli tgawdi minn drittijiet aktar minn ħaddieħor.

Intant, il-MEPA fi stqarrija ċaħdet dak li tenna l-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus, u qalet li meta huma qabblu r-ritratti li ħadu fl-ispezzjoni tal-MEPA fl-14 ta’ Novembru 2014, ma’ dawk li ttieħdu fid-29 ta’ Marzu 2012, deher li ma sar l-ebda xogħol ġdid ta’ kostruzzjoni. Innutat biss li kien hemm ċaqliq ta’ ħamrija u materjal ieħor viċin iż-żona tal-pixxina.

Fid-dawl ta’ dan, il-MEPA tenniet li l-avviż ta’ infurzar ma nkissirx u spjegat li d-deċiżjoni ma tteħditx qabel minħabba li l-applikant intalab jibgħat iktar informazzjoni dwar il-bini.

Il-MEPA tenniet li l-Kummissjoni għall-Ambjent u l-Ippjanar ma setgħetx tieħu deċiżjoni qabel ma’ din l-informazzjoni kienet analizzata.