L-Oppożizzjoni qed tipproponi diversi proposti dwar titjib fl-operat tal-Kunsilli Lokali: proposti li għandhom isaħħu l-awtonomija tal-kunsilli.
L-operat tal-kunsilli lokali u r-rwol tas-segretarji eżekuttivi kienu trattati f’laqgħa għas-segretarji eżekuttivi tal-kunsilli lokali li kienet indirizzata mid-deputat Nazzjonalista u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali David Agius.
David Agius qal li l-proposta tal-PN dwar il-Kunsilli Lokali kienet tammonta għal żieda ta’ €5 miljun, iżda din ma kinitx aċċettata mill-gvern.
Hu qal li l-Oppożizzjoni pproponiet ukoll li l-fondi għall-kunsilli lokali jiżdiedu anki permezz ta’ inizjattivi li permezz tagħhom 10% tal-liċenzji tal-vetturi jmorru għall-kunsilli lokali.
Il-proposta tinkludi wkoll sistema kif wara l-liċenzji tal-karrozzi jkun ukoll persentaġġ mil-liċenzji tal-ristoranti u stabbilimenti fil-lokalitajiet li jgħaddu għand il-kunsilli lokali.
Il-proposti tal-PN jittrattaw ukoll il-gwardjani lokali fejn il-PN qed joġġezzjona li jitwaqqaf unit ċentrali li jiddeċiedi hu fejn jintbagħtu l-gwardjani lokali.
David Agius qal li l-PN jmmen li għandhom ikunu l-kunsilli lokali li jiddeċiedi fejn għandhom ikunu assenjati l-gwardjani lokali.
Flimkien ma’ dawn il-proposti, il-PN qed jipproponi wkoll li jitwaqqaf Ombudsman għall-kunsilli lokali bl-iskop li jitratta l-kazi li jinqalgħu.
Dwar is-Segretarji Eżekuttivi tal-kunsilli lokali, id-deputat nazzjonalista qal li m’għandux ikun hemm distinzjoni bejn il-ħlas ta’ segretarju eżekuttiv f’kunsill lokali kbir u ieħor f’kunsill lokali iżgħar.
//= $special ?>