Lokali Sport Sport Ieħor

Mingħajr post tajjeb fejn jippratikaw l-ibburdjar

Għexieren ta’ familji li ta’ kull ġimgha jiltaqgħu sabiex jippratikaw il-passatemp tal-ibburdjar, dalgħodu ġew milqugħa b’avviż li jgħid li b’dispjaċir il-bini li fih jiġi ppratikat dan l-isport ġie żgumbrat iżda s’issa ma ingħatax post alternattiv adekwat.

Minflok l’hekk imsemmi Vikings Sailing Club issa l-Gvern reġa ħa dan il-post f’idejh sabiex jibni bini ġdid għall-iskwadra marittima tal-AFM.

Minkejja li l-Gvern wiegħed post ieħor sabiex din l-għaqda tkun tista’ tipprattika l-isport tagħha, il-post li ingħata, li huwa filfatt faċċata tal-klabb preċedenti, mhuwiex fi stat tajjeb biex jilqa’ n-nies u biex ikun jista’ jiġi użat hemm bżonn għexieren ta’ eluf ta’ ewro.

Għalissa l-klabb ingħata post temporanju biex jaħżen l-apparat tiegħu iżda mhux addekwat biex jiġi ppratikat dan l-isport.

Il-Vikings Sailing Club ilu fil-post li tneħħa minnu għal dawn l-aħħar 30 sena u kienet filfatt l-amministrazzjoni preċedenti, immexxija mill-Partit Nazzjonalista, li offra numru ta’ fondi biex il-post jittranġa.

Kienu wkoll filfatt numru ta’ nies, ġenituri u parteċipanti ta’ dan l-isport li ikkumentaw kontra din id-deċiżjoni fuq il-paġna tal-Facebook.

Minbarra dan il-klabb, hemm ukoll il-klabb tal-ibburdjar ta’ Birżebbuġa li ġie milqut minn deċiżjoni li ħa l-Gvern meta ġiet implementata “no-zone area” biex jiġi ankrat it-tanker għall-powerstation tal-gass.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar fil-Parlament din il-ġimgha fisser kif fl-isfond ta’ dan, ironiku huwa l-fatt li matul id-diskors tal-Baġit, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fisser l-ibburdjar bħala wiehed mill-atrazzjonijiet ewlenin għat-turiżmu sportiv.

Huwa b’hekk ironiku li Malta trid tattira turisti li huma interessati f’dan l-isport, meta huwa mhux qed jinghata l-importanza li jistħoqqlu.