Balzan……………1
Naxxar Lions………..3
Balzan: S. Sultana, J. Grioli, S. Bezzina, C. Brincat , E. Serrano, O. Guobadia, L. Sciberras (D. Grima 56’), L. Micallef (J. Mifsud Triganza 56’), O. Guerrero, E. Zarate (R. Darmanin 66’), G. Piccioni
Naxxar L.: J. Azzopardi, R. Cassar, A. Buhagiar, I. Edet, A. Scicluna, P. Doffo, D. Reano, D Falzon (P. Gueye 80’), U. Eminike (V. Bellia 69’) , Gilmar, T. Vella (D. Bonnici 87’)
Skorjaw: T. Vella 14’, 20’ (N); G. Piccioni 38’ (B); U. Eminike 55’ (N)
Imwissija: D. Reano, P. Doffo, V. Bellia (N); I. Guobadia (B)
Refere: Fyodor Zammit
Żewġ gowls ta’ Terence Vella fl-ewwel 20 minuta wittew it-triq għar-raba’ riżultat utli konsekuttiv ta’ Naxxar b’rebħa konvinċenti fuq Balzan.
Għal Naxxar, il-bidla fit-tmexxija tat-tim ħalliet l-effett mixtieq, għax minn kemm ilu li ħa f’idejh it-tim Jesmond Zerafa f’nofs Ottubru, il-Lions għamlu progress kbir u tilfu biss partita waħda minn sitta. Spikkaw fl-attakk Terence Vella u Uchenna Eminike, b’tal-ewwel jiskorja żewġ gowls fl-ewwel 20 minuta u l-ieħor ikollu diversi ġirjiet effettivi max-xellug u jiskorja wkoll lit-tielet gowl.
Għal Balzan, ix-xenarju huwa kompletament bil-maqlub. Wara li fil-bidu tal-kampjonat ġew imfaħħrin għar-riżultati pożittivi tagħhom, issa donnhom li tilfu l-vena u ilhom seba’ partiti ma jduqu rebħa. Il-Balzanin urew nuqqas ta’ ħeġġa f’kull dipartiment u kkonkludew biss fl azzjoni li skorjaw. Kif mistenni, id-diriġenti ta’ Balzan kienu ferm diżappuntati b’din il-prestazzjoni, tant li wara l-partita ħadd minnhom ma ried jagħti kummenti.
Naxxar ħadu ftit inqas minn kwarta biex skorjaw. TERENCE VELLA daħal fil-kaxxa, qabbeż il-ballun minn fuq id-difensur Brincat b’siequ x-xellugija u bil-leminija skorja l-gowl tal-vantaġġ.
Fl-20 minuta, TERENCE VELLA għamel ukoll it-tieni wieħed, meta minn kross ta’ Eminike, kien qabel kulħadd u tefa’ wara Sultana.
Ftit wara n-nofs siegħa, Balzan kellhom żewġ gowls imħassrin f’minuta minħabba offside; deċiżjonijiet li ġabu protesti mill-bankina tal-kowċ Oliver Spiteri u l-kollegi tiegħu.
Fit-38 minuta Balzan naqqsu d-distakk meta minn kross ta’ Guerrero mix-xellug, GIANMARCO PICCIONI skorja b’xutt mill-viċin.
Naxxar ħarġu aħjar anki fit-tieni taqsima u wara l-ewwel għaxar minuti reġgħu marru żewġ gowls minn fuq meta minn azzjoni mibdija minn Gilmar, in-Niġerjan UCHENNA EMINIKE avvanza u skorja t-tielet gowl Naxxari.
Mal-gowl, il-kowċ Balzani Spiteri pprova s-soliti armi tiegħu billi daħħal lil Jean Pierre Mifsud Triganza u Ryan Darmanin, iżda l-ġurnata żgur li ma kinitx ta’ Balzan u ma ħallew l-ebda effett.
Din ir-rebħa tagħti nifs lil Naxxar li permezz tagħha nqalgħu mill-aħħar tliet pożizzjonijiet tal-klassifika għall-ewwel darba dan l-istaġun.


