Internazzjonali

Rabja minħabba l-miljuni li qed jintefqu biex jitranġa pont mibni miċ-Ċiniżi

Uffiċjali f’Kalifornja qed jiddispjaċihom li tender għall-bini tas-San Francisco-Oakland Bridge ngħata lil kumpanija Ċiniża.
Dan wara li issa li nbena l-pont, l-Istat ta’ Kalifornja qed ikollu jonfoq miljuni oħra biex jirranġa xogħol ħażin li sar miċ-Ċiniżi fil-bini tal-pont.
L-Istat ta’ Kalifornja oriġinarjament fl-2006 ta t-tender lill-kumpanija Ċiniża Zhenhua Port Machinery bażata f’Shanghai, bl-iskop li jiffrankaw il-flus għaliex dawn kienu taw l-irħas offerta. Dan kemm biex isir tiswija fuq il-pont kif ukoll għal estensjoni fuqu u t-toroq li jwasslu għaliha.

Miljuni f’tiswijiet minħabba xogħol ħażin

Il-proġett kien wieħed li jiswa 250 miljun dollaru u l-kumpanija Ċiniża wiegħdet li kienet se taħdem b’rata aktar mgħaġġla mill-kompetitzzjoni.
Iżda minn investigazzjoni li saret wara li bdew il-problemi, irriżulta li l-kumpanija Ċiniża ma kellhiex l-esperjenza meħtieġa għal proġett ta’ dan il-kobor u l-pont li nbena kien mimli qsim fil-welding.
Uffiċjali għand il-Caltrans, l-aġenzija tal-Istat ta’ Kalifornja responsabbli għax-xogħlijiet ta’ toroq u pontijiet, issa spiċċa qed ikollu joħroġ aktar flus biex jirranġa x-xogħol ħażin li sar.
Filwaqt li x-xogħol tat-toroq sar mill-Amerikani, ix-xogħol tal-muntar tal-ħadid tal-pont sar miċ-Ċiniżi.
Jim Merrill, kuntrattur responsabbli mill-materjal li ntuża fuq il-pont, xehed li l-welding fuq il-pont kien ħażin u anki jekk wieħed jagħmel welding ta’ tiswija fuqu, il-qsim xorta jibqa’ għaliex dan sar biex jitwaħħlu l-pjanċi tal-azzar ma’ xulxin.
L-unjons tal-ħaddiema Amerikani fis-settur tal-azzar ilhom jilmentaw li qed isir żball li bi skuża ta’ xogħol irħas u li jsir f’temp iqsar qed jitqabbdu kumpaniji Ċiniżi. Dan peress li ma jirrispettawx ħafna miżuri ta’ sigurtà li l-ħaddiema Amerikani huma mdorrijin josservaw fil-kostruzzjoni.