Lokali Parlament

Rapporti dwar prodotti agrikoli minn Sqallija fil-Pitkalija

Il-bdiewa, ir-raħħala u s-sajjieda milquta mill-miżuri tal-Baġit

Il-Gvern intalab jinvestiga rapporti ta’ prodotti agrikoli minn Sqallija li sabu posthom fil-Pitkalija.

Dwar it-theddida tal-prodotti fis-suq lokali mis-suq Ewropew tkellem dwarha fil-Parlament waqt id-diskkussjoni tal-Baġit, id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea li qal li qed tqum il-kwistjoni ta’ prodotti li mhux imkabbra f’Malta li jispiċċaw fil-Pitkalija bid-diffikultà tkun kif jingħaraf il-prodott Malti minn dak barrani.

Fisser li s-setturi tal-biedja u s-sajd huma marbuta mal-pitkalija, il-pixkerija u l-biċċerija li huma ċ-ċentri li għandhom valur ekonomiku, soċjali u ekonomiku għal pajjiżna.

Semma kif dawn is-setturi se jintlaqtu mill-ispiża tas-sisa li se tiddaħħal fuq it-tyres li se tkun ta’ 70ċ għal kull kilo ta’ tyre.

Dwar il-miżuri fuq l-ikel fil-fish farms, b’taxxa ta’ 10ċ għal kull kilo ta’ ikel li jintuża, Ċensu Galea staqsa jekk din hix se tkun kemm fuq il-ħut iż-żgħir kif ukoll għall-ħut il-kbir. Dwar dan irrimarka li hemm preokkupazzjoni minn din l-industrija.

Semma l-effett tar-rata tas-sisa fuq l-inbid għall-ewwel darba, li qal li l-Gvern hawn ukoll irid jispjega anke fid-dawl ta’ dak li fehmu l-produtturi tal-inbejjed, li qed isostnu li dak li ħadmu u akkwistaw hu f’riskju li jintilef.

Irrikonoxxa il-permess li ħareġ għall-manutenzjoni u titjib tal-breakwater tal-Veċċa, u appella biex dan ix-xogħol isir għax jidher li għad hemm xi jsir fil-proċess tat-tenders.

Ċensu Galea tkellem ukoll dwar ix-xogħlijiet fil-Biċċerija u qal li hemm sitwazzjoni li ma tistax tkompli sejra kif inhi sejra.

Irrimarka wkoll li strateġija nazzjonali dwar l-agrikoltura u s-sajd f’pajjiżna hu tajjeb li ssir, iżda appella li jkun aħjar jekk tibda tiġi implimentata. Staqsa wkoll dwar l-aħħar żviluppi fir-rilokazzjoni tal-irziezet biex ikun garantit ukoll iż-żmien li ġej għal dawn ir-raħħala.

Tkellem ukoll dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma tar-raħħala, u qal li hemm bdiewa li għandhom numru ta’ arloġġi tad-dawl għal apparat fir-raba tagħhom li jużaw biss għal ftit sigħat fil-ġimgħa. Appella biex ikun hemm reviżjoni dwar il-ħlasijiet ta’ dawn l-arloġġi.

Id-Deputat Nazzjonalista rrimarka wkoll li fil-Baġit m’hemm ebda riferenza għal forom ġodda ta’ għajnuna għas-sajjieda, bħalma trid tingħata wkoll attenzjoni s-sitwazzjoni fil-pixkerija, l-impjant għall-ipproċessar tal-ħut, u l-marine hatchery.

Appella li l-Parlament u l-poplu jkun aktar konxju mill-effetti tax-xogħol tal-bidwi, tar-raħħal u tas-sajjied f’pajjiżna, u li x-xogħol tagħhom għandu jkunu megħjuna b’miżuri li ma jintlaqtux minn miżuri l-oħrajn bħalma seħħ fil-baġit tal-Gvern għas-sena d-dieħla b’taxxi li jolqtu u jkissru lil dawn is-setturi.

Appella biex meta jsiru domandi parlamentari, il-Gvern iwieġeb biex jgħin lil dan is-settur. Appella biex l-informazzjoni li tkun qed tintalab fil-mistoqsijiet parlamentari tingħata, għaliex din tkun qed tirrifletti l-bżonnijiet tas-settur partikolari.

Ċensu Galea qal li jekk irridu li l-ambjent f’kull aspett tiegħu jirnexxi, irridu lill-Kunsili Lokali jipparteċipaw aktar u b’serjetà akbar.

Hemm bżonn skemi serji wkoll biex inħaddru aktar l-ambjent tal-lokalitajiet u b’mod ukoll li jitkompla matul is-sena kollha u mhux għal okkażjonijiet speċifiċi li jgħaddu malajr.

Dwar il-qasam tal-agrikoltura, appella lill-Gvern ma jħarisx lura lejn x’wettaq Gvern Nazzjonalista iżda jħares ’il quddiem u jgħid x’se jkun qed jagħmel u x’inhi l-politika għas-snin li ġejjin waqt li nitgħallmu minn dak li sar qabel.

Fis-settur agrikolu qal li għandu jkun hemm kollaborazzjoni akbar dwar l-artijiet agrikoli tal-gvern li huma għand il-bdiewa u appella għal miżuri li kienu nbdew fl-aħħar amministrazzjoni, biex dawn ikunu implimentati, u dan għas-serħan il-moħħ tal-bidwi li jkun jista’ wkoll iħares ‘il quddiem u jinvesti.