Futbol Sport

Rebħa importanti għal Mosta b’wirja tajba

MOSTA………..3

PIETA…………..1

Mosta: O. Borg, K. Magro, T. Farrugia, A. Borg, D. Falzon, N. Milovanovic, R. Grech, R. Ekani, M. Ribeiro dos Santos, D. Bueno, B. Kaljevic
Sost: K. Pulo flok M. Ribeiro dos Santos 65’ P. Calcado flok D. Bueno 78’, I. Grech flok B. Kaljevic 88’
Pietà: D. Cassar, R. Rodrigues da Silva C. Grech, L. Fortunato dos Santos, J. Pisani, N. Tasic, T. Agius, K. Cesare, L. Micallef, R. Xavier Zacarias, C. Frances
Sost: D. Agius flok K. Cesare 51’, D. Agius M. Licari flok T. Agius 73’, O. Anonam flok D. Agius 79’
Imwissija: D. Falzon 27’ (M), K. Cesare 43’ (P)
Tkeċċa: N. Tasic 27’ (P), D. Falzon 60’ (M)
Skorjaw: D. Bueno 9’, N. Milovanovic 22’, M. Ribeiro dos Santos 41’ (M), C. Frances 35’ (P)
Referee: Clayton Pisani
Mosta irritornaw għar-rebħ u b’wirja tajba fl-ewwel taqsima għelbu lil Pietà Hotspurs 3-1 biex ħadu ftit tan-nifs u approfittaw miż-żelqa ta’ Balzan. It-tim ta’ Peter Smith kien jimmeritah il-massimu tal-punti u l-gowl kmieni witta t-triq biex setgħu jamministraw il-partita aħjar.

Għal Pietà minkejja li ġiet telfa, il-prestazzjoni ma kinitx ħażina iżda naqsu li jwettqu reazzjoni denja wara t-tkeċċija ta’ Tasic kmieni fil-partita.
Wara t-telfa diżappuntanti kontra Valletta, il-kowċ Peter Smith għamel tliet bidliet fil-formazzjoni b’Rodriguez Ekani jirritorna fid-difiża, Ryan Grech f’nofs il-grawnd filwaqt li Ribeiro dos Santos daħal jgħin lill-attakk flok iż-żgħażagħ Kurt Zammit u Kyle Frendo, b’Mano Micallef nieqes wara li weġġa’ fl-aħħar logħba. B’dan il-bdil Kurt Magro lagħab f’nofs il-grawnd u b’hekk Peter Smith ta aktar saħħa lill-attakk.
Min-naħa l-oħra l-kowċ ta’ Pietà Noel Coleiro wara r-rebħa kontra Birkirkara, għamel biss żewġ bidliet bi Claudio Frances jieħu post l-indispost Cain Attard filwaqt li David Cassar irritorna fil-lasti flok Miguel Montfort.
Mosta ħolqu l-ewwel periklu wara ħames minuti meta Ribeiro dos Santos niżżel lura bir-ras lejn Ryan Grech iżda minn qagħda ideali, xeħet barra. Il-Mostin fetħu l-iskor fid-9 minuta meta minn żball difensiv Bojan Kaljevic għadda lejn DANIEL MARIANO BUENO li b’xutt fil-baxx għeleb lil Cassar.
Pietà wieġbu fil-11-il minuta meta Jurgen Pisani ikkrossja lejn Rafael Xavier li daħal tajjeb iżda d-daqqa ta’ ras falliet il-mira. Fid-19-il minuta Pietà marru viċin meta minn free-kick ta’ Frances, Nikola Tasic għola tajjeb iżda l-ballun niżel fuq il-mimduda.
Iżda Mosta irduppjaw fit-22 minuta meta Dyson Falzon bidel il-ballun ma’ Kaljevic, avanza u xeħet lejn NEMANJA MILOVANOVIC li b’xutt preċiż għeleb lil Cassar. Il-partita kompliet tkun għat-telgħa meta fis-27 minuta meta Nikola Tasic ġie muri l-karta l-ħamra wara argument ma’ Dyson Falzon.
Pietà naqqsu l-iskorfil-35 minuta meta wara fawl ta’ Tyrone Farrugia, CLAUDIO FRANCES għeleb lil Omar Borg bi ġmiel ta’ free-kick bix-xellug. Iżda Mosta reġgħu kabbru l-vantaġġ għal żewġ gowls fil-41 minuta meta Ribeiro dos Santos ma laqatx tajjeb kross fil-baxx ta’ Ryan Grech, il-ballun irritorna għand Grech li mill-ewwel ta lejn l-istess MATTEUS RIBEIRO DOS SANTOS li bir-ras xeħet fix-xibka.
B’Mosta jgawdu vantaġġ tajjeb, it-tieni taqsima naqqset mir-ritmu. Il-Mostin setgħu żiedu ieħor fil-51 minuta meta Kaljevic approfitta minn żball difensiv ta’ Leonardo Fortunato dos Santos iżda wara li avvanza xxuttja barra.
Mosta wkoll spiċċaw b’għaxar plejers fis-60 minuta meta Dyson Falzon ġie muri t-tieni karta safra wara fawl fuq Rafael Xavier Zacarias. Il-kowċ ta’ Pietà Noel Coleiro inkluda wkoll il-veteran Malcolm Licari bil-għan li jkollu aktar saħħa fl-attakk iżda minkejja li territorjalment kienu aħjar, rari heddew il-lasti u Mosta ikkontrollaw sat-tmiem.