Lokali

Tal-Liġi mitluba jagħmlu ‘assignment’ dwar il-Librerija!

Studenti fl-ewwel sena tal-kors tal-Liġi jinsabu urtati għax fl-aħħar jiem intalbu mill-Fakulta’ tal-Liġi biex jagħmlu ‘assignment’ dwar il-Librerija u s-servizzi li toffri.

Kull sena, il-Librerija tal-Universita’ ta’ Malta toffri l-hekk imsejjħa ‘Library Tours’ biex l-istudenti tal-ewwel sena jiffamiljarizzaw rwieħhom mal-Librerija u s-servizzi li din toffri. Madanakollu, l-ammont ta’ studenti li jattendu għal dawn iż-żjarat fil-Librerija fl-aħħar snin dejjem kompla jonqos.

Iżda malajr instabet soluzzjoni għal din il-problema, għax l-istudenti tal-Liġi issa ġew mitluba jagħmlu rapport dwar iż-żjara tagħhom fil-Librerija tal-Universita’ ta’ Malta. L-‘assignment’ huwa obbligatorju għal kull student tal-Liġi.

Din il-mossa mill-Fakulta’ tal-Liġi, intiża biex tisforza lill-istudenti jmorru dawn iż-żjarat tal-Librerija, wasslet għall-kritika ta’ diversi studenti tal-Liġi, li frustrati b’din il-mossa, qed jistaqsu dan l-‘assignment’ x’għandu x’jaqsam mal-kors tal-Liġi.

Oħrajn qed jisħqu li m’għandhomx ikunu sfurzati jmorru żjarat fil-Librerija, għax biż-żmien, l-istudenti xorta se jitgħallmu kif għandhom jużaw is-servizzi tal-Librerija; aħseb u ara li jintalbu jagħmlu ‘assignment’ obbligatorju dwar il-Librerija!

Ritratt: il-Librerija tal-Universita’ ta’ Malta