Kurżitajiet

Fdalijiet mid-dar ta’ Josef Goebbels esebiti f’Varsavja

Wirja mill-artist Ġermaniż Gregor Schneider, li turi fdalijiet mid-dar fejn twieled Josef Goebbels, ġiet inawgurata fil-Polonja s-Sibt filgħaxija. Bħala ministru tal-propaganda ta’ Adolf Hitler, Goebbels kien appoġġja, b’qawwa kbira, is-“Soluzzjoni Finali” sabiex ir-razza Lhudija tinqered.

B’travi tal-injam, briks tat-tafal, pupazzi magħmulin mill-ingwanti u kotba li ttieħdu minn dik li kienet id-dar fejn twieled Goebbels, l-installazzjoni saret biex tqajjem interess f’Varsavja – belt Pollakka li kważi nqerdet min-Nażisti matul it-Tieni Gwerra Dinjija.

“Il-wirja qed tittella’ biex tfakkar u tavża,” qal Schneider, li hu magħruf għall-istrutturi artistiċi kontroversjali tiegħu.

Hu xtara d-dar fejn twieled Goebbels f’Rheydt, illum distrett ta’ Mönchengladbach, is-sena li għaddiet, u kien kkunsidra li jwaqqa’ il-binja kompletament. Iżda għal raġunijiet strutturali, dan ma kienx possibbli.