Knisja Lokali

Il-Knisja b’Kummissjoni ġdida għall-Ħarsien mill-Abbuż Sesswali

Il-Knisja f’Malta ppublikat proċeduri ġodda għall-ħarsien tat-tfal u l-adulti vulnerabbli. Proċeduri li jinkludu l-proċedura għall-każijiet ta’ abbuż sesswali.

L-edukazzjoni u l-prevenzjoni biex l-abbużi ma’ jsirux huma punti kruċjali f’dawn il-proċeduri. Ir-reviżjoni qegħda twassal ukoll sabiex titwaqqaf Kummissjoni għall-Ħarsien mill-Abbuż Sesswali ffurmata minn professjonisti kompetenti li fost affarijiet oħra jkollha d-dover tesprimi valutazzjoni dwar ir-riskju f’kull każ.

Din l-istruttura tgħin ukoll sabiex f’każ ta’ abbuż investigatur jiġbor l-informazzjoni fl-iqsar żmien possibli.

Id-Delegat li se jmexxi l-Kummissjoni se jkollu r-responsabbiltà li jgħin l-istituzzjonijiet ta’ formazzjoni bħal skejjel u ċentri ta’ katekeżi u l-istituzzjonijiet pastorali bħal parroċċi u għaqdiet biex itejbu u jsaħħu l-inizjattivi għall-ħarsien tal-minuri u tal-adulti vulnerabbli. L-awtoritajiet tal-Knisja impenjaw ruħhom biex it-tim il-ġdid jitħabbar fl-aħħar ta’ Jannar 2015.

Fil-Messaġġ Pastorali għall-Avvent l-Isqof Charles Scicluna talab il-koperazzjoni tan-nies biex fejn hemm l-abbuż, mhux biss jiġi rrapurtat u mwaqqaf, imma anke fejn hemm sitwazzjonijiet ta’ periklu, wieħed jitkellem dwarhom mill-ewwel biex jinstab rimedju.