Il-Partit Nazzjonalista jista’ jkun l-għażla tal-poplu jekk ikun partit serju b’nies integri u onesti li lesti jservu biex jagħtu lil pajjiż dak li jixraqlu.
Kien dan il-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said fir-Replika tiegħu waqt il-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Politika Onesta’.
Chris Said fakkar f’numru ta’ episodji li seħħew matul din l-aħħar ġimgħa li jindikaw li l-Gvern Laburista ma jħaddanx il-valuri tal-onesta u s-serjeta. Huwa fakkar li, wara li smajna ħafna ftaħir mill-gvern dwar il-baġit, issa ħareġ li l-Kummissjoni Ewropea qed tgħid lill-Gvern li l-baġit huwa off track.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kkwota minn diskors li għamel il-Ministru Evarist Bartolo waqt attivita tal-Partit Laburista, fl-istess ħin li kien qed jittella’ l-Kunsill Ġenerali, li fiha qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma jistax jispiċċa bħala l-goal keeper biex jilqa’ l-autogoals li jagħmlu tal-Labour stess.
B’referenza għax-xogħol f’Għawdex, Chris Said fakkar li l-uniku inizjattiva tal-Gvern Laburista kient l-inizjattiva ta’ Ħaddar u Sebbaħ li fiha l-Gvern impjega 166 persuna qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew – biex imbagħad qalfathom kollha ‘l barra wara ħames xhur.
Chris Said irrefera għall-każ ta’ pazjent li kien qed jinġarr minn Għawdex għal Malta u li ma setax jitnizzel minħabba karozza li kienet qed timblokka d-dħul għall-helipad tal-Isptar San Luqa.
Wara inkjesta li ilha għaddejja tliet xhur u li ma smajna xejn iktar dwarha, The Malta Independent tirrapporta li d-dettalji ta’ din il-karozza sparixxew.
Fid-dawl ta’ dan kollu, Chris Said saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun it-tarka taċ-ċittadini u l-vuċi tal-poplu.
Chris Said qal li l-Partit Nazzjonalsita se jkompli jaħdem biex bil-għaqal, saqajh mal-art, b’umilta u b’determinazzjoni ikompli jagħmel minn dan il-partit il-Partit tan-Nies.
//= $special ?>

