Internazzjonali

Il-verdett dwar Mubarak wassal għal protesti kbar fl-Eġittu

Diversi protesti żviluppaw f’universitajiet madwar l-Eġittu llum, bid-dimostranti kkundannaw deċiżjoni tal-qorti biex jitwaqqgħu l-akkużi kriminali kontra Hosni Mubarak, li l-waqgħa tiegħu mill-poter fl-irvellijiet li seħħew fl-2011 għollew it-tama għal era ġdida fil-ħelsien politiku.

Mijiet ta’ dimostranti nġabru fl-Universita’ tal-Kajr, u xejru stampi u ritratti ta’ Mubarak wara l-iżbarri filwaqt li talbu “għall-waqgħa tar-reġim” – l-għajta li nstemgħet tidwi fil-irvellijiet tar-Rebbiegħa Għarbija li ħakmet gvernijiet mit-Tuneżija sal-Golf fl-2011.

Il-pulizija qagħdu lesti biex ibiegħdu lill-istudenti li fittxew biex jieħdu l-protesti tagħhom fit-toroq.

Qorti Eġizzjana nhar is-Sibt waqqgħet il-każ kontra Mubarak dwar il-qtil ta’ dimostranti fl-irvell tal-2011 li temmet ir-renju tiegħu li dam 30 sena.