Lokali

It-28 anniversarju tal-inċidenti tal-Barrani

It-30 ta’ Novembru 1986; data b’tebgħa sewda kbira fl-istorja tad-demokrazija Maltija. Il-jum li fih seħħew l-inċident f’Tal-Barrani meta partitarji Nazzjonalisti li kienu sejrin għal-mass meeting fiż-Zejtun ġew attakkati minn partitarji Laburisti bl-għajnuna tal-Pulizija tal-gvern Laburista.

Il-Gvern Laburista li kien fil-poter kontra r-rieda tal-maggoranza tal-poplu Malti, kien oġġezzjona li jsir il-mass meeting. Iżda l-Qrati, f’sentenza storika, kienu kkonfermaw id-dritt tal-Partit Nazzjonalista li jorganizza l-mass meeting tiegħu fejn xtaq. Minkejja dan, partitarji Laburisti kienu ngħaqdu mal-Pulizija tal-Gvern Soċjalista biex jostakolaw lin-Nazzjonalisti milli jaslu fil-post tal-mass meeting.

Partitarji Laburisti, li minn kmieni filgħodu kienu mbarraw it-toroq li jagħtu għaż-Żejtun, flimkien mal-Pulizija kienu attakkaw lin-Nazzjonalisti li kienu immexxija mill-Kap tal-Partit, Eddie Fenech Adami, mill-Vici Kap, Guido de Marco u mis-Segretarju Ġenerali, Louis Galea, waqt li kienu sejrin għall-mass meeting.

Dak in-nhar bosta kienu dawk li ndarbu hekk kif il-pulizija permess tal-iskwadra tal-SMU sparaw gass tad-dmugħ lejn il-partitarji Nazzjonalisti.

L-inċident tal-barrani seħħew propju ftit jiem qabel l-qtil politiku ta’ Raymond Caruana li fil-5 ta’ Diċembru 1986 inqatel meta ġew sparati tiri b’sub machine gun lejn il-faċċata tal-Każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Gudja.

Kienet permezz tar-rebħa tal-Partit Nazzjonalista fl-elezzjoni ġenerali tal-1987 li d-demokrazija f’Malta reġgħet isaħħet.