Justin Schembri
Il-kandidat ġdid tal-Partit Nazzjonalista Justin Schembri ffoka d-diskors tiegħu fuq it-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista minn dejjem kien il-partit li jħaddan il-valuri
u l-prinċipji. Justin Schembri qal li hu għażel lill-Partit Nazzjonalista ghax dan kien il-partit li jħaddan il-valuri tad-demokrazija, il-ġustizzja, il-libertà, l-opportunitajiet ugwali u l-politika onesta.
Huwa qal li dan il-pajjiż ma jixraqlux Ministru tal-Edukazzjoni li warrab il-valur tal-inklużjoni fl-edukazzjoni, ma ħaqqux ministri li jinnegaw il-verità anke jekk il-fatti jindikaw mod ieħor. Hu
saħaq li l-Partit Nazzjonalista jista’ jerġa’ jirbaħ il-fiduċja tan-nies jekk iħaddan politika ġusta, responsabbli u onesta.
Toni Bezzina
Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal li dawn l-aħħar xhur kienu żmien ta’ tiġdid għall-Partit Nazzjonalista u rrefera għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil bħala l-ixprun tal-bidla
radikali li seħħet fil-Partit Nazzjonalista.
B’referenza ċara għall-problema tat-trasport f’pajjiżna, Toni Abela qal li llum, wara 20 xahar, bqajna fejn konna f’dan is-settur u Joe Mizzi għadu sabx soluzzjoni għall-problemi li ħoloq huwa
stess.
Illum, saħaq Toni Abela, fil-Gvern Laburista hemm nies li qed jagħżlu li jisservew huma minflok ma jservu lill-kostitwenti tagħhom. Huwa temm id-diskors tiegħu b’appell lill-Prim Ministru
Joseph Muscat biex iwarrab lil min qed jabbuża mill-poter li ingħatalu.
Edwin Vassallo
Il-Partit Nazzjonalista għandu jaddotta politika b’konvinzjoni politika ta’ onestà. Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-kunsillier tal-Kunsill Ġenerali Edwin Vassallo meta kien qed jindirizza l-Kunsill
Ġenerali. Huwa qal li l-onestà ma għandhiex tkun slogan imma l-identità tal-Partit Nazzjonalista. Huwa saħaq li din il-politika għandha tkun l-alternattiva għall-politika ta’ Joseph Muscat li
“istituzzjonalizza” d-diżonesta.
Edwin Vassallo fakkar li wara sentejn ta’ tmexxija ta’ Alfred Sant, il-mexxej Laburista kien ikkritikat li tilef il-boxxla soċjali. Illum, wara 20 xahar, Joseph Muscat ukoll kien akkużat li tilef il-boxxla
soċjali tal-partit tiegħu. Edwin Vassallo temm id-diskors tiegħu b’appell biex il-Partit Nazzjonalista iħaddan politika ta’ onestà “biex dan il-poplu jemmen li għandu ġejjieni”.
Joe Attard
Il-kunsillier tal-Kunsill Ġenerali Joe Attard iffoka d-diskors tiegħu fuq Għawdex. Huwa fakkar li, biex inaqqas l-attenzjoni mill-każ tal-isparatura mix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia, Joseph
Muscat inqeda b’Għawdex u ħabbar il-pjan li għandu l-Gvern għal pont bejn Malta u Għawdex. Joe Attard qal li dan il-pont, kif propost, se jkun ta’ sfreġju għall-ambjent naturali. Joe Attard
staqsa x’sar mill-istudju tal-mina u fakkar li din il-proposta kienet se tiswa inqas minn nofs l-ispiża tal-pont minbarra li mhijex ta’ sfreġju ambjentali.
Joe Attard fakkar ukoll f’numru ta’ wegħdiet oħra tal-Gvern Laburista għal Għawdex li kollha għadhom ma twettqux. Fost dawn huwa semma’ l-wegħda ta’ Casino f’Għawdex, il-wegħda tal-Yacht
Marina u l-wegħda tal-Fast Ferry Service. Minflok, saħaq Joe Attard, il-Gvern Laburista wettaq il-programm Sebbaħ u Ħaddar li reġġgħet lura l-arlogg fil-gżira ta’ Għawdex.
Hermann Schiavone
Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista Hermann Schiavone beda d-diskors tiegħu billi rringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-fiduċja li tah u saħaq li l-fatt li kien qed jindirizza dan il-Kunsill
Ġenerali huwa prova ħajja tat-tibdil sieket li qed isir fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.Huwa qal li llum, għadda l-honeymoon ta’ Joseph Muscat u l-kredibilita ta’ Joseph Muscat tmermret
partikolarment wara l-wegħda tal-powerstation.
Hermann Schiavone saħaq fuq il-ħtieġa li l-Partit Nazzjonalista jispjega l-viżjoni tiegħu għall-pajjiż fi kliem sempliċi. Fuq kollox, kompla Hermann Schiavone, il-Partit Nazzjonalista għandu
jemmen li għandu l-aqwa politika għal pajjiżna. “Meta nħares lejn dan il-partit, ma narax partit li tilef imma partit li għandu l-elementi kollha biex jirbaħ” temm jgħid Hermann Schiavone.
Alessia Psaila Zammit
Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali u għall-Kunsill Ġenerali Alessia Psaila Zammit iffukat id-diskors tagħha dwar l-esperjenzi li ltaqgħet magħhom meta kienet qed iżżur il-
familji waqt il-house visits li tagħmel. Hija għamlet referenza għall-familji li qed irabbu lit-tfal żgħar b’tant imħabba, in-nanniet li qed irabbu n-neputijiet b’tant imħabba u l-esperjenzi diffiċli
tal-persuni li huma milquta mill-mard u li huma inkwetati dwar il-prezzijiet tal-mediċini.
“Fejn huma l-poltiċi li qed jitkellmu dwar dawn ir-realtajiet?” staqsiet Alessia Psaila Zammit.
Hija saħqet ukoll fuq l-importanza ta’ politika onesta u qalet li l-Partit Nazzjonalista, li dejjem kien imsejjes fuq id-demokrazija, għandu l-ambjent ideali fejn tista’ titfassal politika onesta li, fi
kliemha, għandha “tpoġġi lill-Partit Nazzjonalista lura fil-qalb tan-nies.”
Therese Comodini Cachia
Il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Therese Comodini Cachia ffukat id-diskors tagħha fuq l-importanza ta’ politika umli, onesta u nadifa.
Hija qalet li politiku umli jgħix man-nies, jagħraf fejn żbalja u jirranġa triqtu – ħaġa li ma għamilx il-Ministru Manwel Mallia, saħqet Therese Comodini Cachia.
Politiku onest huwa politiku ma jaħbix l-affarijiet qisu xejn mhu xejn – kif għamel Joseph Muscat, kompliet tgħid Therese Comodini Cachia.
Politiku nadif ma jagħżilx li jistagħna hu iżda li jeżerċita r-responsabilità tiegħu bi trasparenza.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Therese Comodini Cachia temmet id-diskors tagħha billi qalet il-Partit Nazzjonalista se jkompli jiġġedded biex ifassal politika onesta “biex ikun
fil-gvern man-nies”.
Clyde Puli’
Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli tefa’ l-lenti fuq numru ta’ wegħdiet miksura tal-Gvern Laburista.
Gvern li wiegħed l-aqwa kabinett u minflok tana l-ikbar kabinett bl-ikbar spiża. Gvern li wiegħed il-meritokrazija u minflok tana klikka tal-qalba li ma tixbax tiffanga. Gvern li wiegħed li se jservi
u minflok qed jisservew.
Clyde Puli qal li d-diskors ta’ Simon Busuttil fil-Parlament bħala risposta għall-Baġit kixef il-qerq kollu tal-Partit Laburista. Huwa qal li l-arma ta’ Simon Busuttil tibqa’ l-onestà, il-ġustizzja u s-
sewwa – prinċipji li Simon Busuttil għażel qabel il-popolarità. Id-Deputat Nazzjonalista Clyde Puli qal li Simon Busuttil se jibqa’ juża dawn il-prinċipji fit-tiġdid li qed iseħħ fi ħdan il-Partit
Nazzjonalista.
Charlo Bonnici
Fi żmien qasir ta’ sentejn il-poplu qed jara l-ambjent isofri minn deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern li wara li wiegħed kollox qabel l-elezzjoni spiċċa qed jarmi kollox u anke spiċċa ostaġġ tal-wegħdiet li għamel.
Malta ma tistax timxi bil-filosofija ta’ xejn m’hu xejn kif qed jagħmel il-Gvern illum u jħalli oxxenitajiet bħal dawk ta’ Ministru li tikser il-liġijiet tal-ambjent. Ma jistax il-pajjiż jerħa jmur lura għaż-żminijiet fejn ikun Ministru li jiddeċiedi l-ħruġ ta’ permessi dwar fejn isir żvilupp.
Il-PN għandu juħa ż-żmien fl-Oppożizzjoni biex jagħżel fejn irid imur, Għandu jara li jagħżel in-naħa tal-ġid komuni u mhux filosofija li taqdi lill-ftit. Fl-imgħoddi seta’ kien hemm deċiżjonijiet li minkejja intenzjonijiet tajba, setgħu ħallew riżultati mhux mixtieqa. Charlo Bonnici qal li hu fiduċjuż li l-PN jgħaraf jieħu d-deċiżjonijiet għaqlija u jerġa’ jikseb il-kredibbiltà.
Ryan Mercieca
Il-poplu, sal-ġurnata ta’ llum għadu jfittex il-politiċi onesti u għadu jfittex l-onestà fit-twettiq tal-politika. Meta wieħed jitkellem man-nies, isib li għad hawn għatx mill-poplu biex ikun
ippreżentat bil-verita’ u bl-onestà mill-politiċi li jirrapreżentawh. Il-Partit Nazzjonalista jrid jerġa’ jkun il-partit li jagħti lura lill-poplu l-valuri tal-onestà.
Dan jista’ jsir billi jerġa’ jkun qrib il-poplu, billi jisimgħu u jitkellem miegħu b’mod onest.
Bir-riformi li għamel fi ħdanu l-PN qed jiġġieled il-politika ta’ ingann. Ryan Mercieca qal li kien il-PN li ħa ħsieb is-setturi kollha tal-ħajja. Kien il-PN li ħa ħsieb l-interessi ta’ Għawdex u l-
Għawdxin.
Francis Zammit Dimech
Illum qed naraw lill-Gvern jaqa’ fin-nasba ta’ min jigdeb billi jkollu jivvinta gidba wara oġra biex jiddefendi l-istess gideb tiegħu. Qatt daqs illum ma kien hawn Gvern bi stejjer mimlijin gideb
biex jgħattu l-ħabi tal-verità.
Il-Gvern li ppreżenta ruħu b’ħafna wegħdiet ta’ perfezzjoni qabel l-elezzjoni illum qed juri li hu Gvern mingħajr ebda road map u mingħajr viżjoni. Il-poplu jistenna li l-politika tkun ibbażata fuq
ir-responsabbiltà politika. Jekk min hu responsabbli jaħrab milli jerfa’ din ir-responsabbiltà, allura l-politika serja tispiċċa l-baħar. Illum il-poplu jista’ jara li l-PN kapaċi joffri futur aħjar mibni
fuq is-sin ċerità, għażliet b’viżjoni u fiduċja.
Robert Arrigo
L-onestà fil-politika hi xi ħaġa li tieħu aktar fit-tul biex tagħti l-frott. Hu aktar faċli twiegħed kollox lil kulħadd kif għamel Joseph Muscat. Iżda llum il-poplu jista’ jara r-riżultat ta’ dik il-politika.
Wara l-esperjenzi tiegħu fil-passat, il-PN illum qed juri li lest jitkellem u jiddiskuti. Dan hu messaġġ li l-poplu għandu u qed jifhmu. Il-PN inbidel għal partit ġenwin u dak li kien muntanja
lbieraħ, illum hu triq twila li l-partit irid jimxi mal-poplu li qed jifhmu aktar.
Il-PN illum għolla l-livell tiegħu u kif wera fir-risposta tiegħu għad-diskors tal-Baġit, li kien diskors denju ta’ Prim Ministru, ta xiehda li għall-ġid tal-pajjiż, is-sewwa jirbaħ żgur.
Joe Cassar
Spjega s-sitwazzjoni tal-Gvern ta’ llum u xebbaħha ma’ dak il-missier li wiegħed kollox lit-tifel tiegħu biex jgħinu jagħmel festa sabiħa. Meta l-festa rnexxiet, u ġie biex iżomm il-wegħda tiegħu,
tah biss ġugarell.
Hu b’dan il-mod li l-Gvern mexa mal-istudenti u fil-Baġit għas-sena li ġejja tahom żieda ta’ żewġ ċenteżmi kuljum. Hekk għamel mal-ġenituri li se jneffaqhom aktar flus biex iħallsu għall-eżamijiet tagħhom.
Lill-ġenituri pinġilhom stampa sabiħa għaliex tahom inċentiv ta’ 150 ewro bil-għan li permezz tagħhom inaqqas il-problema tat-trafiku.
Fil-qasam edukattiv, il-Gvern qiegħed iwiegħed konsultazzjoni ma’ kulħadd, iżda jispera li l-konsultazzjoni ma tkunx bħal dik tal-liġi dwar informazzjoni fuq l-istudenti, liġi li għadha hemm.
Ċensu Galea
Biex titwettaq politika onesta jridu jkunu onesti dawk li jkunu fuq quddiem fil-politika. Il-PN irid mhux biss jaħdem biex iwettaq il-politika tiegħu iżda għandu juri lill-poplu li lest jagħmel dan bl-akbar onestà. Id-dokument ippreżentat fil-Kunsill, għalkemm hu dokument żħgir, hu dokument mill-aktar impenjattiv.
Ċensu Galea qal li jemmen li l-PN iġġedded u saħħaħ bis-sehem u ħidma kollettiva ta’ nies ġodda u oħrajn li ilhom jagħtu s-sehem tagħhom.
Il-politika m’hix għal politici iżda għan-nies. Il-poplu jrid jistaqsi fejn jinsabu n-nies li lesti biex iservu u mhux biex jisservew.
Il-membri tal-Gvern fid-diskorsi tagħhom qed jagħtu importanza lil dak li jaraw ħażin fl-amministrazzjoni preċedenti minflok fit-tajjeb li lesti jagħmlu llum. Il-PN se jibqa’ jservi lill-poplu għaliex jemmen fil-prinċipji li dejjem sawruh biex ikun jista’ jwettaq il-ġid.
Karol Aquilina
Hawn min jara li l-politika u l-onestà ma jistgħux ikunu flimkien. Imma l-poplu jara li din xi ħaġa li jridha fil-politika.
L-onestà fil-politika hi li ma tiddejjaqx tgħid il-verità. Li ma tħallix jitwettqu inġustizzji. Tfisser ukoll li terfa’ r-responsabbiltà.
Fil-każ tal-isparatura tax-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, hu serju l-fatt li l-ewwel ħaġa li għamel il-Gvern kien li jipprova jgħatti xturu, imbagħad ipprova ibiddel il-verżjoni, imbagħad iwaħħal f’xi ħadd ieħor. Kien ikun aktar faċli li l-Ministru Mallia jgħid il-verita’ kollha mill-ewwel, jammetti l-iżball li sar u jerfa’ r-responsabbiltà. L-sitint tiegħu hi li jgħatti l-verita. Dan hu l-periklu li qed ngħixu llum bil-Gvern jibni stampa differenti mir-realtà.
Wasal żmien li l-pajjiż ikollu mill-ġdid imħuħ u ideat. Dawn huma affarijiet li l-PN għandu jaħdem għalihom.
Ann Fenech
Fakkret kif sa minn ftit jiem wara l-elezzjoni il-wegħda ta’ meritokrazija kienet diġà spiċċat. Illum qed naraw nuqqas kbir ta’ trasparenza politika u ta tmexxija onesta.
Illum naraw ħabi ta’ kuntratti, ħtif tal-Korp tal-Pulizija u tal-Armata, wegħda ta’ bini ta’ power station u riżenja mhux miżmuma. Illum qed naraw Ministru tal-Intern li jitħalla li toħroġ stqarrija mhux minnha. Dawn huma fatti li m’humiex xiehda ta’ politika onesta.
Hu aktar xokkanti li l-Prim Ministru jieħu pożizzjoni ċentrali fit-twettieq ta’ din il-politika nieqsa mill-onestà.
Il-PN għandu jkun lest biex jippreżenta ruħu quddiem il-poplu b’politika serja. Issa l-partit qed ikun organizzat f’kull livell biex kull qasam soċjali jkun rappreżenta. Il-PN hu organizzat biex joffri ideat u policies sodi li jissarrfu f’ħidma mhux road maps li ma jwasslu mkien.
Tonio Fenech
Irrefera għar-rapport tal-UE dwar il-baġit u l-qagħda finanzjarja tal-pajjiż. L-UE qalet li mhux kollox f’postu iżda hemm riskji kbar, bid-dejn ikompli u bi stimi tal-Gvern ottimisti żżejjed. Dabn l-ottimiżmu ġej minn taxxi li laqtu sew il-but tal-poplu meta suppost kellhom jagħmlu l-ħajja waħda aħjar.
Joseph Muscat jgħid kliem li l-poplu jrid jisma’ iżda l-poplu mbagħad isib li qed jingħata l-loqom meta dawk madwar il-Prim Ministru jkomplu jiffangaw.
Il-poplu ma jridx jibqa’ jisma’ kliem sabiħ imbagħad isib li jsir kollox bil-maqlub. Għar-roħs fit-tariffi tad-dawl u l-ilma l-poplu qed ikollu jħallas taxxi f’diversi affarijiet u servizzi oħra. Żewġ ċenteżmi lill-istudenti ttieħdu lura bil-kbir bil-ħlas għall-eżamijiet.
L-istess ingann daquh ukoll in-negozjanti u dawk li raw żieda fil-kirjiet tas-social housing.
Illum aktar minn qabel jinħass il-bżonn li l-PN jibqa’ jiġġedded u jkun rilevanti għas-soċjetà biex imexxi lill-pajjiż li ma jiflaħx aktar għall-ingann ta’ Joseph Muscat.
//= $special ?>