Il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma tal-Partit, rringrazzja lil dawk kollha li urew solidarjetà miegħu fil-mumenti diffiċli li għadda minnhom.
Issa li qed jirkupra saħħtu lura, se jżomm il-wegħda tiegħu u jkompli jaħdem għall-ġid tal-PN. Minn din l-esperjenza tgħallem li meta wieħed jaqa’ u jogħtor għandu jagħmel il-kuraġġ, jafda f’Alla, jqum u jimxi.
Beppe Fenech Adami qal li fejn ma jkunx hemm onestà tonqos it-trasparenza, jibda l-abbuż, ikun hemm l-arroganza u tinbet il-korruzzjoni. “Kif jista’ jkun li wara biss 20 xahar ta’ Gvern Laburista ma tgħaddix ġurnata li l-Gvern ma jkunx maqbud f’xi kontroversja? Kif jista’ jkun fi żmien daqshekk qasir li l-Gvern ikollu jirribatti kriżi wara oħra, b’allegazzjonijet ta’ korruzzjoni?” Il-poplu jistaqsi kif Gvern ma jsibhix diffiċli li se jagħti 58 centeżmu żieda lill-poplu meta qed jagħti 58,000 ewro lil wieħed mid-Deputati tiegħu.
Dan hu Gver li tela’ bl-għajta ta’ trasparenza, ġlieda għall-abbuz u ebda tolleranza għall-korruzzjoni, imbagħad hawn Prim Ministru li kontinwament jiddefendi dawn l-abbużi. Kif jista’ l-Prim Ministru jiddefendi Deputat li kellu kunflitt ta’ interess f’sejħa għall-offerti? Kif jista’ jiddefendi Ministru li tigdeb meta tgħid li ma tafx li qed isir xogħol fi proprjetà tagħha. Kif jista’ jiddefendi lill-Ministru Joe Mizzi li ġġamja pajjiż bit-traffiku u waqt li għaddej proċess ta’ sejħa għall-offerti jmur jinnnegojza ma kumpannija li issa se tinghata sussidju tliet darbiet aktar minn dak li kien jingata qabel?
Kif jista’ jkollok Prim Ministru li jiddefendi lil Konrad Mizzi li flimkien wegħdu power station sa Marzu li ġej u issa jgħid li mhux veru wegħdu dan? Kif jista’ jiddefendi Ministru li l-mara tiegħu tingħata paga ta’ 13,000 ewro fix-xahar?
Beppe Fenech Adami staqsa kif jista’ jkollok Prim Ministru li jiddefendi lil Manwel Mallia li qed jitfa’ lill-pajjiż lura għal żmien il-cover ups? Kif jista’ jiddefendi ministri li flok jgħidu l-verita iwelldu gidba?
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li jista’ jkun għaliex Joseph Muscat hu kompliċi ma’ dan kollu. Min ma jiġġelidx l-abbuż hu komplici ma’ dak l-abbuż. Min ma jiġġelidx il-korruzzjoni hu korrott.
Beppe Fenech Adami ħeġġeġ biex il-PN jibqa’ jkollu kuraġġ u biex jemmen li fuq gidba dejjem tirbaħ il-verità, fuq il-qerq tirbaħ l-onestà u fl-aħħar is-sewwa jirbaħ żgur.