“Jekk irridu nkunu sinċieri magħna nfusna, irridu nammettu li l-kwistjoni tal-isparatura ala wild west, u l-mod kif in-nies ipperċepixxew li ġiet indirizzata – flimkien ma’ kwistjonijiet oħrajn – taw majnata lill-awtorità morali tal-Gvern fuq in-nies. Addijo benefiċċji tal-Baġit, li ntesew fuq ruħ ommhom”. Hekk sostna fuq il-paġna tiegħu fuq Facebok l-Editor in Chief tal-Union Print, l-kumpanija li tippublika l-gazzetti L-Orizzont u It-Torċa, Sandro Mangion.
Mangion sostna, “M’hemm l-ebda regola li tgħid li meta jkollok rebħa kbira, iridu bilfors jgħaddu almenu għaxar snin biex titlef il-maġġoranza kbira li tkun tellgħatek. Bħalma elettur wieħed jibdel fehmtu f’ġurnata, f’ġimgħa jew f’xahar, l-istess jistgħu jagħmlu 18,000 oħra. Insejnieha t-tagħlima tal-1998? Għadda ż-żmien tal-inkejja dwar “it-tkaxkira li tajniehom” u trijonfaliżmu inutli ieħor. Minflok, jaqbel li wieħed jifhem l-għaliex dik ir-rebħa kbira mistħoqqa, li bħalma ġiet malajr taf tiżvinta daqstant ieħor f’tebqa t’għajn.”.
Mangion itemm il-kitba tiegħu billi qal li fil-privat hemm min qiegħed ifesfes f’widnet dak u f’widnet l-ieħor dwar kemm il-gvern qiegħed jaqa’ għaċ-ċajt mbgħad l-istess persuna jimla l-Facebook b’kummenti dwar kemm huwa kburi bil-gvern. Iżda Mangion jgħid li “jekk lill-imperatur temmen fih u tirrispettah, ma tigdiblux”.
Il-kitba ta’ Mangion hija biss opinjoni oħra fost ħafna diġa espressi li turi tħassib serju dwar il-mod kif il-gvern mmexxi minn Joseph Muscat qiegħed jindirizza l-iskandlu tal-isparatura mix-xuffier tal-Ministru Manuel Mallia.
//= $special ?>