Kurżitajiet

Li tnixxef il-ħwejjeġ ġewwa jista’ jkun ta’ riskju għal saħħtek

Jekk tnixxef il-ħwejjeġ ġewwa jista’ jkun li qed tagħmel ħsara lil saħħtek u saħħet dawk ta’ madwarek. Dan ħareġ minn riċerka li saret minn ċentru f’Manchester, fl-Ingilterra, li sabet li load ta’ ħwejjeġ terħi kważi żewġ litri ta’ ilma.

Skont il-Professur David Denning, meta wieħed jonxor il-ħwejjeġ ġewwa, l-umdita’ fl-arja tad-dar tiżdied bi 30% u dan joħloq klima ideali għall-moffa u tipi differenti ta’ fungus.

Filwaqt li l-maġġoranza tal-bnedmin huma immuni għal din il-moffa, jew inkella l-ġisem kapaċi jiġġieled l-infezzjonijiet li tikkawża, dawk li jbagħtu mill-ażma huma f’riskju kbir li jiżviluppaw sogħla u problemi fin-nifs.

Din il-moffa tista’ tkun ukoll fatali, jew inkella tikkawża ħsara permanenti fil-pulmun u s-sinus ta’ persuni li jsofru mill-kanċer, Aids u mard ieħor.