F’messaġġ pastorali għall-avvent l-Isqof Charles Scicluna beda billi mill-ġdid radd ħajt lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona. Fl-istess messaġġ l-Isqof Scicluna saħaq li s-saċerdoti huma bnedmin tad-demm u l-laħam ukoll.
“Kultant nogħtru fil-pellegrinaġġ tagħna. Id-dnubiet tagħna jkunu dnubiet kbar meta jagħmlu ħsara lil ħaddieħor. Dnubietna joħolqu sofferenza kbira, jumiljaw lilna lkoll u jkunu wkoll okkażjonijiet ta’ tfixkil għal ħafna minnkom” saħaq l-Isqof Scicluna.
Fil-messaġġ l-Isqof Scicluna kompla jgħid “aħna impenjati li mhux biss niġġieldu l-fenomenu tal-abbuż sesswali tal-innoċenti, iżda wkoll li nevitaw sitwazzjonijiet simili”. Ħabbar ukoll it-twaqqif ta’ Kummissjoni għall-Ħarsien mill-Abbuż Sesswali b’nies ġodda u proċeduri ġodda.
L-Isqof Scicluna fil-messaġġ tiegħu talab maħfra. Maħfra li saħaq kien qed jitloba bl-umilta’ kollha.
Spjega li fil-Milied aħna nersqu lejn Ġesù bħala d-Dawl tal-ħajja u għalhekk appella sabiex matul dan l-Avvent, l-Nsara jersqu lejh fis-sagramenti – fil-qrar, fit-tqarbin, u fis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla.
L-Isqof Scicluna appella lill-Nsara sabiex jitolbu għall-Knisja li fix-xhur li ġejjin ser ikollha Arċisqof ġdid.
//= $special ?>