Lokali

Mons. Charles Scicluna fuq quddiem biex jsir Arċisqof

Hekk kif il-Knisja f’Malta għadha għaddejja bil-proċess tal-għażla tal-Isqof il-ġdid, sitt ġimgħat wara r-riżenja ta’ Monsinjur Pawlu Cremona, kollox jindika li l-persuna favorita għal din il-kariga huwa l-Isqof Charles Scicluna.

Żvelat dan il-gazzetta il-mument, li qalet li s-Santa Sede qed tikkunsidra lil Isqof Scicluna minħabba diversi kwalitajiet, fosthom il-fatt li fil-passat kellu karigi qrib il-Papa Benedittu XVI, meta kien delegat biex imexxi l-investigazzjoni fuq diversi każi ta’ abbużi sesswali ta’ saċerdoti fuq minorenni jew nisa madwar id-dinja.

F’dawn l-aħħar ġimgħat numru ta’ ismijiet kienu qed jissemmew bħala kandidati għal kariga ta’ Arċisqof ta’ pajjiżna, fosthom Fr. Jimmy Bonnici, Mons. Gorg Frendo u l-Isqof t’Għawdex Mons. Mario Grech.

Fil-każ ta’ Mons. Frendo, fost l-oġġezzjonijiet għal ħatra tiegħu kien hemm il-fatt li hu wkoll Patri Dumnikan, bħal predeċesur tiegħu, u li l-ħatra tiegħu taf twassal għal kunflitt ta’ interess fil-konfront tal-każ ta’ allegat abbuż sesswali mid-Dumnikan Patri Charles Fenech.

Il-mument żvela wkoll li l-konsiderazzjoni ta’ Mons. Mario Grech hija ftit aktar kumplikata. Fil-jiem li għaddew tressqet il-proposta li Mons. Grech jinħatar Arċisqof ta’ Malta u d-djoċesi ta’ Għawdex tkun xolta u l-Knisja jkollha djoċesi waħda biss, li tinkorpora wkoll il-gżira ta’ Għawdex.

Din il-proposta kienet qed tattira l-approvazzjoni ta’ bosta, imma jidher li issa qed titwarrab ukoll.

L-għażla tal-Papa Franġisku favur Mons. Scicluna jidher li għadha ma tħabbritx anki għax l-awtoritajiet ekkleżjastiċi jridu jkunu ċerti li meta jitħabbar l-isem tal-Arċisqof il-ġdid, dan ikollu l-appoġġ ta’ kulħadd għax il-Knisja f’Malta, f’dik li bosta jqisuha bħala kriżi li għaddiet u għadha għaddejja minnha, ma taffordjax li tibda tmexxija taħt Arċisqof ġdid f’qasma fi ħdanha u bl-effetti ta’ delużjoni li jista’ jkollu xi ħadd li forsi kien qed jippretendi l-kariga hu.

Dawn id-diskussjonijiet interni jidher li qed iwasslu għal riżultat sodisfaċenti u fil-jiem li ġejjin jista’ jkun hemm kunsens bejn kulħadd dwar l-għażla ta’ Mons. Scicluna.

Jekk ma jinqalgħux intoppi oħra fl-aħħar jiem, ahna nfurmati li t-tħabbira ta’ Mons. Charles Scicluna bħala Arċisqof ġdid għal Malta tista’ titħabbar fit-8 ta’ Diċembru li ġej, fil-festa tal-Immakulata Kunċizzjoni, inkella f’data oħra qrib il-Milied li ġej.