Il-boxer leġġendarju Amerikan, Muhammad Ali, ma jistax jiftakar li kien rebaħ tliet titli mondjali fil-kategorija heavyweight — bit-tifla tiegħu, Hana, tiżvela li hu infurmaha, b’ċajta, li ‘beħsiebu jsir champion mill-ġdid għat-tielet darba’.
Muhammad Ali ilu 30 sena marid bil-Parkinson’s u ma jiftakar xejn mill-famuża ġlieda tal-1978 meta rebaħ it-tielet titlu tal-heavyweight kontra Leon Spinks.
Ali sar Champion tad-Dinja f’din il-kategorija għall-ewwel darba fl-1964, meta – waqt li kien għadu magħruf bħala Cassius Clay – għeleb lil Sonny Liston b’knockout.
Hu kien dam champion sal-1967, filwaqt li kkonverta għall-Iżlam u adotta l-isem Muhammad Ali meta neħħewlu t-titlu talli rrifjuta li jmur jiġġieled fil-Gwerra tal-Vjetnam.
Intant, Ali għamel ritorn qawwi u, fl-1974, sar iċ-Champion tal-Boxing tal-heavyweight għat-tieni darba fl-istorja. Dan wara li hu għeleb lil George Foreman fit-tmien round tal-ġlieda storika mlaqqma ‘Rumble in the Jungle’ li saret fl-eks Zaire,illum ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.
Minkejja li ‘nesa’ t-trijonf fuq Spinks, Muhammad Ali, illum, xorta għad għandu sens kbir tal-umoriżmu. Fil-fatt, Hana qalet li, ladarba huma ‘aġġornawh’ dwar is-suċċessi tiegħu fil-boxing, Ali weġibhom li ‘ma jeskludix li jirritorna fix-xena minkejja li għandu 72 sena’.
//= $special ?>