Lokali

Niżvelaw li l-istqarrija tal-isparatura ħarigha Kurt Farrugia – u għandna l-email f’idejna

Il-gazzetta Il-Mument illum kompliet tiżvela aktar dettalji dwar l-isparattura mix-xuffier tal-Ministru Manuel Mallia u l-attentat ta’ cover up li segwa l-isparatura. Rapport mill-ġurnalist Joe Mikallef jikxef l-involviment tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fil-cover up kif ukoll ikompli jiżvela aktar dettalji dwar dan il-każ li aktar ma’ jgħaddi żmien aktar qed jara’ l-kobba tkompli titħabbel.

Fil-każ ta’ l-email li qed tkun riprodotta fil-faċċata ta’ il-Mument tikkonferma li Kurt Farrugia, il-Kelliem tal-Prim Ministru Joseph Muscat ħareġ l-istqarrija b’kontenut li fiha jingħad li kienu ġew sparati tiri ta’ twissija iżda f’inqas minn 24 siegħa, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali nqabad f’gidba dwar il-verżjoni li kien qiegħed jagħti l-Gvern, u għaldaqstant kellu jikkoreġiha.

Dak li tiżvela l-Mument, jikkonferma li kien l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li ħadem u ħareġ l-istqarrija inizjali dwar l-isparatura li kienet seħħet fil-Gżira, u li kien Kurt Farrugia, il-Kelliem tal-Prim Ministru li kien jaf bil-kontenut tal-istqarrija, li approva l-kontenut tal-istqarrija u li din ħarġet għall-pubblikazzjoni u x-xandir bl-approvazzjoni diretta tiegħu nhar id-19 ta’ Novembru li għadda.

Intant dwar dan il-każ tirrapporta wkoll The Sunday Times li fil-paġna ta’ quddiem għandha l-istorja dwar l-investigazzjoni fix-xena tar-reat tal-isparatura. Il-gazzetta tirrapporta li raġel, deskritt bħala qrib ta’ Paul Sheehan, ix-xufier tal-Ministru Manwel Mallia, qed ikun interrogat fuq suspetti li neħħa l-iskrataċ tal-balal li kienu sparati dak il-lejl.

Anki l-gazzetta MaltaToday tittratta dan il-każ u tirrapporta li ċertu dettalji tar-rapport tal-pulizija dwar l-arrest tal-iskoċċiż Stephen Morrison Smith jitħassru.