Il-Maskra tal-Gvern kompliet taqa’, kemm fl-avvenimenti li ġraw fl-aħħar ġimgħat iżda wkoll fil-Baġit li kien ippreżentat.
F’diskors mistenni li bih ingħalaq il-Kunsill Ġenerali tal-PN, il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li l-Gvern tal-Prim Ministru Joseph Muscat daħħal kultura ta’ kulħadd jagħmel li jrid. Kultura li wasslet għall-inċident tal-isparatura u l-cover-up ta’ din l-istess sparatura. Issa sar magħruf li Joseph Muscat qed jiddefendi lil Mallia għaliex hu nvolut f’din il-kawlata.
Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni se tivvota kontra l-Baġit għal tliet raġunijiet ewlenin, li ma jagħtix direzzjoni ekonomika, għaliex hu baġit bla ruħ soċjali u għaliex hu cover-up ta’ Gvern li m’għandux boxxla morali.
Il-Baġit li għadu kemm ġie preżentat ma jidentifikax settur wieħed ġdid fl-ekonomija u l-Gvern qed jaħbi diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji. Anki l-Kummissjoni Ewropea qalet li l-Baġit mhux on-track filwaqt li l-Power Station suppost waslet biex tiġi inawgurata, għadha lanqas biss bdiet.
Simon Busuttil kompla li dan il-Baġit hu dgħajjef mhux biss fil-ħolqien tal-ġid iżda hu wkoll inġust fit-tqassim tiegħu. Hu semma it-taxxi li żdiedu fosthom fuq il-karozzi, il-liċenzji u l-fuels filwaqt li fakkar iż-żieda insult ta’ 2 ċenteżmi kuljum lill-istudenti u l-anzjani li ħafna minnhom jiddependu fuq pensjoni waħda. Iżda agħar minn hekk, kompla l-Kap tal-Opposizzjoni, kien it-tgħajjir fil-konfront tal-persuni vulnerabbli. Hu tenna li Gvernijiet Nazzjonalisti ġġieldu l-abbuż tal-benefiċċji iżda qatt ma għajjar lil min jieħu l-benefiċċji soċjali ħalliel
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li l-Bagit hu wkoll cover-up tal-imġieba skorretta tal-Membri tal-Gvern. Filwaqt li l-poplu in ġenerali ingħata ċ-ċenteżmi, Muscat jixtri d-deputati tiegħu bl-eluf, Silvio Parnis li se jdaħħal 210 elef ewro f’ħames snin, Luciano Busuttil 225 elf ewro f’ħames snin, Charles Buhagiar 250 elf ewro, Anthony Agius Decelis 285 elf ewro f’ħames snin, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Carmelo Abela li se jdaħħal 300 elf ewro f’ħames snin u Silvio Schembri bi 310 elef ewro. Simon Busuttil qal li hu għajb doppju għaliex il-Gvern li qed jagħmel dawn il-pastażati ħaleb il-kwistjoni tal-onorarja biex hu għamel ferm agħar.
Il-Kap tal-PN qal li quddiem dan kollu, in-nies jitilfu l-fiduċja fil-politika u l-politiċi. Joseph Muscat falla fl-iktar affarijiet li rabat il-karriera politika tiegħu magħhom u bir-raġun, m’għadhomx jemmnuh.
Simon Busuttil qal li l-PN irid jirbaħ il-fiduċja tal-poplu u eventwalment l-elezzjoni, mhux għaliex Muscat u l-Partit Laburista hu diżonest iżda għaliex il-PN jħaddan politika onesta.
//= $special ?>

