Qed ikomplu jikbru l-mistoqsijiet dwar il-Każ Manwel Mallia, hekk kif il-Gvern qed jibqa’ totalment sieket quddiem dawn l-iżviluppi kollha. F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Partit Beppe Fenech Adami sostna li aktar ma jgħaddu ġranet, aktar qed joħroġ ċar li dan hu attentat orkestrat ta’ cover-up.
Beppe Fenech Adami semma’ fost l-oħrajn l-istejjer li ħarġu fi tmiem il-ġimgħa b’dettalji ġodda dwar il-casing tal-bullets li tneħħew mill-post tal-isparatura, l-involviment dirett tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-misteru dwar ir-rapport li għamel l-Iskoċċiż u li issa sparixxa mis-sistema tal-Pulizija. Għall-Viċi Kap tal-PN, il-poplu qed jitlob spjegazzjoni dwar dan kollu.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Jason Azzopardi qal li dan il-każ hu biss skandlu tal-Gvern Laburista. Sostna li għandhom jiġu ppubblikati immedjatament il-logs u l-kontenut tat-telefonati li għaddew fil-lejl tal-isparatura bejn il-Ministru Manwel Mallia, ix-xufier tiegħu, iċ-Chief of Staff Silvio Scerri, il-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern Kurt Farrugia u l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija.
//= $special ?>

