Lokali Parlament

Appell għal dibattitu dwar ir-remunerazzjoni u l-għażla għal deputati full-time


Mario de Marco sejjaħ bħala disrispett li f’binja ta’ kwalità kif se jkun il-Parlament il-ġdid, ma jkollniex deputati ta’ kwalità

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, appella għal dibattitu serju u ħieles mill-partiġjaniżmu politiku dwar Parlament li mhux biss ikollu bini modern kif se jkun il-bini l-ġdid tal-Parlament, iżda wkoll parlamentari ta’ kwalità bl-għodda li jgawdu l-Membri Parlamentari Ewropej.

Għandha tkun diskussa wkoll il-kwistjoni tar-remunerazzjoni u l-possibbiltà ta’ għażla bejn min irid jagħmel il-ħidma parlamentari bħala l-impjieg ewlieni, u dawk li jridu jżommu l-professjoni jew l-impjieg tagħhom bi rwol ukoll ta’ deputat.

Mario de Marco appella għal diskussjoni dwar dawn l-iżviluppi importanti fil-ħajja tal-Parlament u tad-deputati li jiffurmaw l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, meta tkellem fil-Parlament fid-diskussjoni dwar il-ministeru mmexxi mill-Viċi Prim Ministru Louis Grech, li hu wkoll il-Kap tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

Mario de Marco saħaq li Parlament bla deputati li ma jistgħux jiffunzjonaw sew, mhu Parlament xejn. Staqsa kemm id-deputati qegħdin iġibu ruħhom bħala rappreżentanti tal-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u kemm jimmeritahom it-titlu ta’ onorevoli. Appella għal diskussjoni ħielsa mill-partiġjaniżmu politiku, dwar ir-rwol tad-deputati, tar-responsabbiltajiet u tal-għodda li jrid ikollhom id-deputati.

Enfasizza l-importanza li ngħarfu d-distinzjoni bejn ir-rwol eżekuttiv u dak leġiżlattiv ta’ deputat, u fisser kif l-Oppożizzjoni kienet ikkritikat is-sehem ta’ deputati tal-Gvern bħala chairpersons ta’ awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern. Mario de Marco saħaq li l-ebda membru parlamentari ma jista’ jkun direttur jew chairperson ta’ entità, għaliex meta jsir dan inkunu qed ngħaqqdu flimkien ir-rwol leġiżlattiv ma’ dak eżekuttiv.

Tkellem ukoll dwar il-prassi tal-Parlament li jiltaqa’ tliet darbiet fil-ġimgħa b’numru ta’ kumitati li jaħdmu tajjeb ukoll. Dan ifisser li kull deputat hu part-time, bi professjoni jew b’impjieg ieħor flimkien mar-rwol ta’ deputat.

Mario de Marco fisser li r-realtà hi li llum, ir-rwol bħala deputat qiegħed dejjem jiżdied u għaldaqtsant irridu naraw jekk id-deputat għandux ikun full-time jew li jkun hu li jagħżel li jżomm l-impjieg tiegħu mar-rwol ta’ deputat part-time.

Esprima r-riservi tiegħu dwar jekk deputat għandux ikun full-time minħabba li hu importanti li kull deputat ikollu l-indipendenza tal-ħsieb politiku u tal-imġiba tiegħu fil-politika u fil-Parlament, u biex is-sors tal-għajxien tad-deputat ma jkunx biss u uniku fuq il-politika u fil-ħidma parlamentari. Fisser ukoll li jifhem li hemm ħsibijiet oħrajn, u hu għalhekk li jeħtieġ diskussjoni serja.

F’xenarju li x-xogħol parlamentari qiegħed jiżdied, Mario de Marco staqsa jekk id-deputat hux jingħata l-għodda meħtieġa biex iwettaq il-ħidma effettiva tiegħu bħala deputat.

Fisser bħala żewġ klassi ta’ deputati – dawk rappreżentati fil-Parlament Ewropew u dawk fil-Parlament Nazzjonali, filwaqt li rrimarka li l-MEP jingħata l-għodda ta’ tim ta’ persuni biex jgħinuh u d-deputat fil-Parlament Malti hu nieqes minn din l-għodda, u jibbaża kollox fuq ħidmiet volontarji ta’ xi individwi.

Staqsa jekk din hix is-sistema li għandha tibqa’, u jekk tibqa’ jkunx hemm nuqqas fil-ħidma importanti tal-Parlament.
Mario de Marco qal li l-ħidma parlamentari għandha taħdem biex ittejjeb il-liġijiet.

Ippropona biex fil-Parlament ikun hemm tim ta’ riċerkaturi biex jaqdi l-bżonnijiet tad-deputati kollha tal-Kamra. Dan hu żvilupp essenzjali li għandu jsir illum qabel għada għaliex il-liġijiet li qed jiġu diskussi fil-Parlament qed isiru aktar speċjalizzati.

Irrifera wkoll għall-kwistjoni tar-remunerazzjoni tad-deputati fil-Parlament. Semma kif il-Gvern preżenti ddikjara li ma jridx iżid ir-remunerazzjoni tad-deputati, iżda fl-istess waqt biddel il-liġi biex ipoġġi d-deputati tiegħu fuq entitajiet tal-gvern. Fisser dan bħala “ġinnastika politika”.

Esprima l-inkwiet tiegħu li l-politika li qed jimplimenta l-Gvern illum, qed twassal għal fiduċja anqas fid-deputati u fil-Parlament bħala istituzzjoni.

Mario de Marco saħaq li wasal iż-żmien li tiġi indirizzata l-kwistjoni tar-remunerazzjoni anke jekk id-deċiżjoni finali tkun li tibqa’ kif inhi, iżda mhux aċċettabbli li jinħolqu sitwazzjonijiet kif indirizzaha l-Gvern b’ħatriet ta’ deputati f’karigi għolja f’entitajiet tal-Gvern.

Fisser li hekk kif deħlin fil-bini l-ġdid tal-Parlament, ikun disrispett li b’binja ta’ kwalità, ma jkollniex deputati ta’ klwalità.

Appella għal dibattitu u ħidma għall-aqwa talent u l-aqwa mħuħ fil-Parlament li mhux dipendenti mill-politika, iżda indipendenti mil-libertà tal-ħsieb.

Appella wkoll biex ma nagħmlux aktar distinzjoni bejn deputat fil-Parlament Nazzjonali u deputat fil-Parlament Ewropew biex is-deputati fil-Parlament nazzjonali jkollhom l-istess għodda tal-Membri Parlamentari Ewropej.