ELSA Nhar l-Erbgħa 26 ta’ Novembru, ELSA Malta ċċelebrat ‘Jum l-ELSA’ flimkien mal-bqija tan-netwerk tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Istudenti tal-Liġi (ELSA) u b’koperazzjoni mal-Kunsill tal-Ewropa, bil-għan li titqajjem aktar kuxjenza dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Biex iżżomm mal-ispirtu tal-Assoċjazzjoni, dik li jkun hemm “dinja ġusta fejn hemm ir-rispett għad-dinjita’ umana u d-diversita’ kulturali”, gruppi nazzjonali u lokali madwar l-Ewropa ħolqu forum uniku ta’ diskussjoni bil-għan li d-Drittijiet Umani jkunu promossi b’mod ħolistiku.
Nhar is-26 ta’ Novembru 2014, madwar 70 attivita’ ittellgħu madwar l-Ewropa kollha, permezz ta’ dik li hi l-akbar assoċjazzjoni tal-istudenti li timbotta ‘l quddiem id-Drittijiet Umani.
ELSA Malta iddeċidiet li tagħżel “Id-Dritt li Tkun Minsi” (the Right to be Forgotten) bħala tema għal diskussjoni bħala parti minn ‘Jum l-ELSA’ f’Malta. Dan hekk kif dan is-suġġett bħalissa jinsab fil-qalba ta’ kontroversja u fl-istess waqt prominenza fl-isfera internazzjonali, partikolarment wara deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja b’rabta mal-istess suġġett.
Id-diskussjoni saret fil-Librerija Nazzjonali ta’ Malta, fejn numru ta’ kelliema minn setturi legali differenti iddiskutew dan is-suġġett.
Waqt l-attivita’ ELSA Malta ċċelebrat ukoll 30 sena ta’ suċċess tal-programm STEP (Student Trainee Exchange Programme).
//= $special ?>