Lokali

Filmat : Kundanna għad-diskors li uża l-Ministru Evarist Bartolo

Il-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdan il-Partit Nazzjonalista u l-Moviment Nisa Partit Nazzjonalisa, fi stqarrija ddeploraw il-mod kif il-Ħadd, il-Ministru tal-Edukazzjoni għażel li jesprimi ruħu. Qalu li jħossu li l-Ministru tal-Edukazzjoni, bid-diskors tiegħu, naqas mill-edukazzjoni u wera nuqqas ta’ etika fil-konfront tan-nisa. Il-Ministru wera mentalità sessista arkajka li turi nuqqas ta’ rispett lejn in-nisa.

Il-Ħadd, Evarist Bartolo kien qed jirredikola lill-Partit Nazzjonalista f’attività politika fil-Każin Laburista ta’ Birkirkara. Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo qal li l-Partit Nazzjonalista hu bħal mara li tmur tagħmel operazzjoni biex tikseb il-verġinita’ tagħha lura.

Il-Forum u l-MNPN fakkru li l-politiċi għandhom l-obbligu u r-responsabbiltà li meta jitkellmu fil-pubbliku, kliemhom ikun meqjus u prudenti. Nies pubbliċi qegħdin kontinwament jagħtu eżempju bid-diskors tagħhom u għalhekk il-kliem tal-Ministru hu inaċċettabbli u dispreġġjattiv.

Il-Forum u l-MNPN fakkru li Evarist Bartolo hu Ministru tal-Kabinett ta’ Gvern li suppost kellu jkun l-aktar gvern femminista fl-istorja ta’ pajjiżna. Għaldaqstant, il-Ministru Bartolo messu jaf aħjar u għandu jagħmel apoloġija għad-diskors użat minnu. Huma appellaw lill-NCPE biex ma tibqax siekta quddiem dan id-diskors u tieħu passi fil-konfront tal-Ministru Bartolo.

Fl-istqarrija, il-Forum Opportunitajiet Indaqs u l-Moviment Nisa fi ħdan il-Partit Nazzjonalisa qalu li permezz tal-ħidma tagħhom, qed jassiguraw li l-mara Maltija tingħata d-dinjità li jixirqilha.