Lokali

F’Tas-Sliema: Tmien serqiet f’temp ta’ ġimgħa

Matul il-ġimgħa li għaddiet, jiġifieri bejn it-Tnejn 24 ta’ Novembru u l-Ħadd 30 ta’ Novembru f’Tas-Sliema daħlu tmien rapporti ta’ serq differenti għand il-Pulizija. Dan ifisser iktar minn serqa kuljum.

Dan joħroġ minn talba għall-informazzjoni li saret minn dan is-sit lill-Pulizija, li minn naħa tagħhom, għaddewlna d-dettalji ta’ dawn is-serqiet.

Mill-informazzjoni li ngħatatilna jirriżulta li fl-aħħar ġimgħa f’Tas-Sliema biss kien hemm żewġ serqiet minn residenzi li fihom jgħixu xi persuni. L-ewwel serqa seħħet fi Triq Windsor nhar it-Tlieta, filwaqt li l-oħra seħħet fi Triq Ġuże’ Howard nhar is-Sibt li għadda meta anzjana li kienet għall-quddies sabet li sadattant daħlulha u serqulha numru t’oġġetti (aqra hawn).

Minn Tas-Sliema, il-Pulizija waslulha wkoll żewġ rapporti ta’ serq minn klijenti li ttieħdulhom xi oġġetti waqt li kienu f’ristoranti jew bars fi Triq it-Torri u Triq San Trofimu; żewġ każi li seħħew nhar is-Sibt 29 ta’ Novembru fl-15:50 u l-22:15 rispettivament.

Kien hemm ukoll rapport ta’ serq ta’ vettura minn Triq Nicolo’ Isouard nhar l-Erbgħa 26 ta’ Novembru fit-tmienja ta’ filgħodu u rapport ta’ pick-pocketing li seħħ ġurnata qabel, it-Tlieta fl-Erbgħa ta’ wara nofsinhar, minn Pjazza Sant’Anna.

Minbarra dawn il-każi, il-Pulizija kellha wkoll rapporti ta’ żewġ serqiet oħra, li seħħew fl-istess ġimgħa imma li d-dettalji dwarhom huma minimi.